Ittra ffirmata minn Napuljun Bonaparte titfa’ dawl ġdid fuq l-ewwel jiem tal-invażjoni Franċiża lejn Malta.
L-aġenzija Heritage Malta għadha kif akkwistat ittra li tmur lura għall-1798, iffirmata min Napuljun qabel ma sar Konslu u iżjed tard Imperatur.
F’din l-ittra, il-Ġeneral Bonaparte kiteb lil Ġeneral Desaix li kellu f’idu l-art tal-Papa u qallu li l-pjan li jmiss qabel ma jmorru l-Eġittu kienet sabiex jinvadu lil Malta.
Il-Kuratur tal-Mużew Marittimu, Liam Gauci qal: “Isma’ aqbad ix-xwieni li hemm tal-Papa, bix-xwieni li ssib armahom bil-kanuni, itfa’ t-truppi fuqhom u salpa lejn Sirakuża, niltaqgħu hemmhekk, l-Ingliżi qed jiġru warajk, isma tiġġilidx għax aħna l-pjan tagħna huwa Malta.”
Liam Gauci qal magħna kif din l-ittra nkitbet fi żmien meta l-Franċiżi ħadu f’idejhom l-art tal-Papa u hemmhekk ħadu f’idejhom ix-xwieni tagħhom sabiex jinvadu lil Malta u lill-Eġittu.
Huwa sostna: “Il-Papa li kien teknikament ir-renjant ta’ Malta għax kien imexxi lill-Granmastru, lill-Isqof u lill-Inkwiżitur kienu għadhom kif il-Franċiżi rebħulu u floku kien hemm dan Desaix li aktar tard kien se jkun ġeneral brillanti bħal Napuljun għax dawn kienu grupp ta’ ġenerali brillanti, li kaxkru l-Ewropa kollha u dan kien qiegħed ġewwa Ruma u qabad ix-xwieni li kellu l-Papa, xwieni wkoll li mir-riċerka li qegħdin nagħmlu bħalissa kien hemm xwieni Maltin, li dan qabad bil-pistola waqqaf il-kaptana, qallu jien se noħodlok dawn ix-xwieni biex nibda l-invazzjoni ta’ Malta kif ukoll tal-Eġittu.”
Wara li rċieva din l-ittra, Desaix kien salpa lejn Malta u talab lil Granmastru Hompesch biex jidħol l-art bl-iskuża li ried l-ilma.
Il-Franċiżi ħakmu lill-pajjiżna għal madwar sentejn.
Gauci spjega magħna kif din l-ittra hija ta’ importanza storika għall-pajjiżna hekk kif hija parti minn kollezzjoni internazzjonali għaliex Napuljun huwa personaġġ magħruf madwar id-dinja.
Huwa kompla jispjega: “Din l-ittra hija wkoll unika wkoll għax hemm il-firma ta’ Bonaparte u hija l-firma ta’ Bonaparte u hija l-firma ta’ Bonaparte sena qabel li sar President for life, il-Primo Konslu tal-Kostituzzjoni Franċiża għax wara hawn Malta, wara l-Eġittu, Napuljun telaq jiġri lejn Pariġi biex isir Konslu mbagħad eventwalment isir imperatur u sar l-imperatur li aħna lkoll insejħulu Napuljun.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Kenneth Gambin qal ma’ ONE News kif din l-ittra nxtrat għal €60,000 f’irkant.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin qal: “Heritage Malta hija kommessa illi taf tagħmel kif kienet tagħmel fl-imgħoddi u se tkompli biex tkabbar il-kollezzjoni nazzjonali.”
Fost l-akkwisti li għamlet riċentament Heritage Malta hemm ukoll il-kwadru ta’ Mattia Pretti u din l-ittra miktuba min Napuljun tikkumplimenta l-ittri ta’ Ċensu Borg Brared, li kien għex f’dik l-epoka.