Il-Gvern waqqaf Taskforce li se tkun responsabbli biex tanalizza dawn il-proposti filwaqt li se tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha biex il-Gvern ikollu idea ċara ta’ kif għandha tkun implimentata l-istrateġija Nazzjonali tal-Blockchain bil-għan li l-opportunitajiet li f’dan il-qasam jibdew jimmaterjalizzaw.
It-Taskforce għall-Blockchain se tkun immexxija minn Vincent Muscat , Segretarju Permanenti fi ħdan is-Segretarjat l ise jkun assistit minn Steve Tendon (espert tal-Blockchain), Dr. Ian Gauci ( espert Legali) , Joseph Cuschieri (Chairman tal-MGA), Loui Mercieca ( Espert tal-Blockchain ), Wayne Grixti ( Inġinier fi ħdan il-MITA ) , Carlo Stivala ( Espert Finanzjarju ) and Mario Borg ( Economist ).
Fi stqarrija kien spjegat li f’dawn l-aħħar xhur is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iltaqa’ m’għadd ta’ imsieħba interessati fit-teknoloġija blockchain.
Filfatt, wara li f’April ta’ din is-sena l-Kabinet approva l-Istrateġija Nazzjonali għall-Blockchain, min-naħa tas-Segretarjat bdiet ħidma sabiex jinbeda l-proċess għall-sejħa ta’ proposti minn seba’ kumpaniji ikkunsidrati bħala fost l-akbar fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Minbarra li se tkun qed tesplora l-opportunitajiet li toffri t-teknoloġija Blockchain, partikolarment fejn għandu x’jaqsam effiċjenza fis-settur pubbliku, il-Gvern qed iħares lejn ‘il quddiem li jitwaqqaf regolatur li jimplimenta t-teknoloġija blockchain u dan abbażi ta’ qafas legali. Dan jgħin biex tinħoloq ekosistema ideali għal dawk interessati li jinvestu fit-teknoloġija Blockchain.
Filfatt huma bosta l-investituri lokali u internazzjonali li huma nteressati li jinvestu u għaldaqstant il-Gvern huwa lest li jkompli jisma l-ideat innovattivi li se jwasslu biex it-teknoloġija blockchain tkun ta’ kontribut qawwi u li tixpruna l-ekonomija diġitali ta’ pajjiżna.