Fi stqarrija l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar li ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher il-Qorti mhux akkumpanjat minn Uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Intqal li l-Ministru ħa dan il-pass minnufih hekk kif kien mgħarraf bil-każ.
L-inkjesta se tkun qed titmexxa mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi u t-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta jitolbu li jiġu stabiliti l-fatti kollha tal-każ. Dan filwaqt li l-inkjesta mistennija toffri dawk ir-rakkomandazzjonijiet li tħoss li huma meħtieġa. L-inkjesta għandha titlesta fi żmien għoxrin jum.
Il-Ministeru għall-Intern qal li minn informazzjoni preliminari jidher li l-priġunier li qed issir referenza għalih kellu kawżi oħra minbarra dak li deher dwaru quddiem il-Qorti t-Tlieta filgħodu.