Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ħabbar fil-parlament li d-Direttur tal-Ħabs, Paul Debattista, irrizenja għal raġunijiet personali u postu imtela’ temporanjament mill-Assistent Direttur, Mariella Camilleri.
Il-Ministru Farrugia, li kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Hermann Schiavone, qal li l-post tad-direttur tal-ħabs huwa importanti u delikat u dak li se jilħaq direttur ġdid irid jilħaq il-kriterji kollha neċessarji, fosthom li jkun dixxiplinat u uman u jemmen fir-reijabilitazzjoni tal-ħabsin.
Huwa qal li bħalissa qed issir evalwazzjoni jekk il-ħabs hux se jibqa’ jitmexxa biex id-direttur ikun kap eżekuttiv taħt bord tal-gvernaturi. Wasal iż-żmien, qal, li jsiru wkoll il-bidliet neċessarju biex tkun infurzata l-istruttura tal-ħabs.
Il-Ministru qal li la s-Sur Debattista rriżenja minn jheddu ma ħassx li kellu għalfejn jagħmel din ir-riżenja pubblika, aktar u aktar li x-xogħol baqa’ għaddej normali.