Mal-mument li seħħ l-attakk f’Barċellona u l-kelma ġriet mal-erbat irjieħat tad-dinja l-atmosfera ma baqgħetx l-istess. Dan mhux biss fiż-żona tal-attakk iżda saħansitra anke f’postijiet oħra fi Spanja, fosthom ukoll f’Valencia.
Hekk qaltilna Dinah Lee Seguna, ġurnalista ma’ ONE News li bħalissa tinsab fuq btala f’Valencia.
Hi spjegat li mal-mument li ħarġet l-aħbar, l-atmosfera mill-ewwel inbidlet. Dan hekk kif ħarġu u qabdu taxi biex imorru fid-destinazzjoni li kellhom imorru, is-sewwieq tat-taxi deher kemmxejn imfixkel fejn beda jfittex stazzjon tar-radju sabiex ikun jista’ jsegwi x’kien qed jiġri erba’ sigħat bil-karozza ‘l bogħod f’Barċellona.
Sostniet li malli waslu fejn kellhom imorru, kien hemm preżenza kbira ta’ Pulizija fejn spjegat li dan kienet turi ż-żieda fis-sigurtà minkejja li ma kinux fil-post tal-attakk.
Il-fatt li din l-aħbar iddominat il-midja mhux biss Spanjola imma dik internazzjonali, spjegat Dinah, xi ftit jew wisq l-atmosfera tinbidel fejn kulħadd jibda’ jistaqsi “fejn imiss issa?”