Il-Ministeru għas-Saħħa ppubblika sejħa ta’ interess għal servizzi ta’ emerġenza mill-privat fuq bażi ta’ 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa, lil hinn minn dawk diġà offruti mill-isptarijiet tal-Istat.
Stqarrija mill-Ministeru, li hu mmexxi minn Jo Etienne Abela, qalet li din il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat se tassigura li l-persuni se jkunu jistgħu jinqdew aħjar minn sptarijiet oħrajn, waqt li jħallas il-Gvern.
Tali inizjattiva se tikkumplimenta wkoll is-servizz li jingħataw mill-Isptar Mater Dei u l-pazjent ikollu aktar faċiltajiet u effiċjenza.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li, fl-aħħar xhur, ittieħdu bosta deċiżjonijiet b’riżq il-pazjenti biex tiġi indirizzata l-problema ta’ ffollar fl-Emerġenza ta’ Mater Dei, b’referenza wkoll għall-pjani li jikber l-ispazju eżistenti.
Il-Ministru Abela saħaq kif din l-inizjattiva l-ġdida se tgħin biex, filwaqt li l-Gvern jiżġura li joffri l-aħjar servizz lill-pazjent, jitnaqqas il-ħin ta’ stennija u anke l-pressjoni fuq l-Isptar nazzjonali.
Il-Ministru għas-Saħħa temm jgħid li din hi waħda minn kullana ta’ inizjattivi li qed jiġu varati favur Dipartiment tal-Emerġenza aktar vijabbli, waqt li l-pazjent jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa.
Is-sottomissjonijiet ta’ interess se jkunu jistgħu jiddaħħlu sa nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju li ġej.