L-ispazju mhuwiex biss rokits u astronawti. Lanqas post li jistgħu jesploraw biss pajjiżi kbar, imma huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum anke jekk forsi dan ma jidhirx.
Dan jista’ wieħed jarah mill-osservazzjoni li tagħmel id-dinja, fejn tiġbor informazzjoni u dejta mis-satelliti, li jagħtu informazzjoni mhux biss fuq l-ippjanar urban, imma anke fuq l-agrikoltura u t-trasport, fost l-oħrajn. U dan anke se jgħin lil pajjiżna bħala parti minn strateġija ta’ diversi snin li se tgħin tistabbilixxi s-settur tal-ispazju f’pajjiżna u li, għalliha, Malta ffirmat ftehim mal-Aġenzija Spazjali Ewropea biex ingħaqdet fil-Pjan ta’ Koperazzjoni bejn l-Istati Membti.
Fil-fatt, l-Aġenzija Spazjali Ewropea nediet it-tieni sejħa għall-offerti għal Malta f’dan ir-rigward. Sejħa li hi miftuħa għas-settur privati u anke pubbliku lokali, inklużi istituzzjonijiet akkademiċi, biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp relatati.
Ir-riżultati, imbagħad, ikunu jistgħu jintużaw u japplikaw f’oqsma bħall-agrikoltura, fl-immaniġġjar tal-kosta, fis-saħħa, fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-Intelliġenza Artifiċjali.
Din ir-riċerka se tkun qed tkompli tibni fuq ix-xogħol preliminari li beda jsir permezz tal-Fond għar-Riċerka Spazjali ta’ Xjenza Malta f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea.
Is-Segretarju Parlametari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, enfasizza magħna dwar l-importanza li dan is-settur qed jingħata mill-Gvern.
“Aħna, bħala Gvern, qed naraw ukoll li, permezz ta’ dan is-settur, nibnu niċċa ekonomika ġdida. Dan għax nafu li l-ispazju ekonomiku fejn tidħol l-ekonomija relatata mal-ispazju hemm opportunitajiet kbar.”
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari