L-aġenzija Heritage Malta għadha kif ħarġet is-sejħa kemm lokali kif ukoll internazzjonali għal direttur artistiku tat-tieni edizzjoni tal-maltabiennale.art, li se jkun qed jittella’ bejn Marzu u Mejju tal-2026, bl-applikanti li għandhom ċans sat-23 ta’ Settembru li ġej.
Tħabbar ukoll li t-tħejjijet għal dan il-festival internazzjonali tal-arti kontemporanja fis-siti u l-mużewijiet tal-aġenzija diġà bdew.
L-edizzjoni inawgurali tal-maltabiennale.art, li saret din is-sena bejn Marzu u Mejju li għaddew taħt il-patroċinju tal-UNESCO u tal-President ta’ Malta, intlaqgħet b’tifħir anke mill-midja internazzjonali u siti magħrufin għall-arti.
Iż-żmien magħżul għall-festival offra esperjenza unika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin fostna, kif ġie innotat fir-rapporti internazzjonali li ddeskrivew is-siti storiċi fil-wirja bħala spettakolari, waqt li il-biennale kompla jservi ta’ vetrina għall-patrimonju rikk li hu mogħni bih pajjiżna bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet għal din is-sena.
Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta u President tal-maltabiennale.art, saħaq li, permezz tal-arti kontemporanja li jġib miegħu l-festival, il-mużewijiet ma jibqgħux biss binjiet li jitkellmu dwar ilbieraħ.
Wara l-ħatra ta’ direttur artistiku tal-maltabiennale.art 2026 u karigi oħrajn, li s-sejħiet għalihom se jkunu qed jinħarġu fiż-żmien li ġej, se tkun qed tinħareġ sejħa internazzjonali għal proposti artistiċi. It-tema tat-tieni edizzjoni se tkun qed titħabbar proprju qabel din is-sejħa.