Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili Malti, ħareġ liċenżja u ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru lil KM Malta Airlines Ltd. Dan f’pass ieħor sabiex tiġi stabbilità linja nazzjonali ġdida tal-ajru għal pajjiżna.
Din il-linja tal-ajru mistennija tagħmel l-ewwel titjira tagħha fil-31 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.
Dan tħabbar fi starrija mill-KM Malta Airlines Limited hekk kif ġie spjegat li din il-kumpanija se tkun qed tiffoka fuq destinazzjonijiet Ewropej importanti. Destinazzjonijiet li se jgħaqqdu lil pajjizna mal-kapitali Ewropej tal-Punent.
Fl-istess stqarrija KM Malta Airlines ħabbret ukoll l-iskeda tat-titjiriet tagħha għas-sajf tal-2024 u li għalihom il-bookings se jkunu qed jiftħu mill-4 ta’ Diċembru li ġej.
Din l-iskeda tibda topera mill-31 ta’ Marzu 2024 sas-26 ta’ Ottubru tal-istess sena u b’kollox se tkun qed tkopri 17-il ajruport fi 15-il belt b’total ta’ 8,546 titjira.
B’hekk b’kollox f’din l-iskeda se jkun hemm disponibbli 1,430,000 post fuq l-ajruplani tal-kumpanija.
Tul dan il-perjodu, KM Malta Airlines Ltd se tkun qed twettaq 284 titjira fil-ġimgħa, b’kull ajruplan jdum fl-ajru medja ta’ tnax-il siegħa u tmien minuti kuljum.
Fil-fatt il-linja nazzjonali tal-ajru se tkun qed tuża tmien ajruplani tat-tip Airbus 320NEOs li kull wieħed jifilħu medja ta’ 168 passiġġier.
Id-destinazzjonijiet prinċipali tal-kumpanija tal-ajru Maltija f’din l-iskeda se jkunu l-italja b’82 titjira fil-ġimgħa, Franza bi 48 titjira fil-ġimgħa, ir-Renju Unit b’44 titjira fil-Ġimgħa u l-Ġermanja b’40 titjira fil-ġimgħa.
Intant, il-linja nazzjonali tal-ajru fetħet l-applikazzjonijiet għal postijiet tax-xogħol fi ħdanha hekk kif qed tfittex li timpjega 375 persuna.
L-ewwel sejħa se tkun għal Kaptana u First Officers.