Ħadd ma weġġa’ f’nirien kbar li ħakmu kontejners fl-inħawi ta’ Ħal Qormi.
Il-każ seħħ fi Triq tal-Ħandaq, meta minn diversi bnadi madwar il-pajjiż bdiet tidher daħna kbira.
Fuq il-post hemm preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-Pulizija u pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Hemm ukoll uffiċjali tal-LESA u ta’ Transport Malta biex imexxu t-traffiku.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri kiteb li jinsab infurmat li-pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’operazzjoni delikata biex jikkontrollaw nirien li bdew ħdejn xi kontejners tal-ħażna fl-inħawi tal-Qasam Industrijali tal-Ħandaq. Qal li jinsab infurmat ukoll li f’dan l-istadju ma hemmx rapporti ta’ persuni maqbuda.
Fuq il-post waslu diversi vetturi tat-tifi tan-nar u bl-ilma biex jikkontrollaw in-nirien.
Għal xi ħin inqala’ ftit paniku peress li fil-madwar hemm diversi djar u anki skola, iżda jidher li kulħadd jinsab sigur.
Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post jidher li n-nar wasal lejn xi djar, u r-residenti ta’ erbat idjar partikolari jinsabu fuq il-bejt bħala prekawzjoni għaliex ma kellhomx aċċess għall-barra.