Marina Gaydukova, Griega li qiegħda fuq btala f’pajjiżna, ngħatat sentenza ta’ xahar priġunerija sospiża għal sena wara li ammettiet li kkawżat ġrieħi ħfief fuq erba’ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl nieqes kwart ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fi Triq Ball, San Ġiljan.
Fil-Qorti nstema’ kif l-imputat kienet xurbana u inħarġet mill-istabbiliment tal-ikel minn fejn kienet qiegħda wara li ħolqot kommossjoni.
L-akkużata, li fil-Qorti tkellmet ħafna dwar x’ġara fl-inċident ittieħdet l-Isptar Mater Dei minħabba x-xorb.
Kien hawnhekk li l-imputat weġġgħet il-Pulizija hekk kif pruvat tirreżisti lill-Pulizija li ppruvaw iżommuha milli tweġġa’.
Hija ġiet mixlija wkoll li kissret il-paċi pubblika u li kienet fis-sakra b’mod li ma setgħetx tieħu ħsieb tagħha nfisha.
Quddiem il-Maġistrat, Donatella Frendo Dimech hija ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha u qalet li tinsab iddispjaċuta ferm ta’ dak li għamlet.
Għaldaqstant, wara li wieżnet il-każ, il-Qorti kkundannat lill-mara xahar ħabs sospiżi għal sena.