Alessia Sillato ngħatat multa ta’ €3,000 u ordni ta’ 280 siegħa xogħol volontarju għall-komunità.
Dan wara li wieġbet ħatja li fis-27 ta’ Ġunju tal-2018 fix-Xewkija Għawdex saqet bi traskuraġni u kontra r-regoli u li saqet b’mod perikoluż. Dan f’inċident li fih ħadet il-ħajja ta’ mara ta’ 78 sena.
Fid-digriet tal-Qorti ta’ Għawdex ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, ġie nnotat kif l-akkużata irreġistrat amissjoni bikrija u li l-veloċità tagħha meta seħħ l-inċident kien ta’ 48 kilometru fis-siegħa. Għal din it-triq il-veloċità massima permissibbli mil-liġi hija ta’ 50 kilometru fis-siegħa iżda l-espert tal-Qorti xorta kkonkluda li l-imputata kienet għaddejja b’veloċità eċċessiva għall-akwati ta’ fejn seħħ l-inċident.
Skont id-difiża ma kien hemm l-ebda dubju li kien hemm negliġenza wkoll min-naħa tal-vittma hekk kif qasmet triq arterjali mingħajr ebda prekawzjoni.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti għamlet referenza għal bosta sentenzi oħra fosthom ir-Repubblika ta’ Malta kontra Rene Micallef tal-2006 li tgħid kif il-piena m’għandhiex isservi bħala xi forma ta’ vendikazzjoni tas-soċjetà fil-konfront tal-ħati. Dan filwaqt li l-piena għandha diversi skopijiet li l-Qorti trid issib bilanċ bejniethom. Fosthom il-protezzjoni tas-soċjetà u li sservi bħala messaġġ ċar li jservi ta’ deterrent ġenerali.
Hija ġiet ordnata tħallas ukoll kważi €3,000 oħra fi spejjeż tal-Qorti u l-liċenżja tas-sewqan tagħha ġiet sospiża għal sitt xhur.