Mara ta’ 36 sena li toqgħod San Pawl il-Baħar u li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li ttellgħet il-Qorti mixlija li sawtet lir-raġel tagħha u li gidbet meta qalet li stupraha.
Ġie rrapportat li l-allegat vittma ħallas għad-depożitu tal-ħelsien tal-akkużata.
Att li ġie deskritt bħala surreali mill-Maġistrat Charmaine Galea.
Il-mara wieġbet mhux ħatja għal akkużi relatati ma’ vjolenza morali u psikoloġika biex tiżola lir-raġel tagħha u tillimita l-aċċess tiegħu għal fondi, edukazzjoni u impjieg.
Hi ġiet mixlija wkoll b’attentat li tweġġa’ gravi lir-raġel tagħha, li weġġgħetu ħafif, li kkawżat ħsara lill-propjetà tiegħu u li insultatu u hedditu.
Apparti hekk kienet akkużata li għamlet rapport falz fejn akkużat lir-raġel tagħha bi stupru u li ffastidjaha sesswalment meta kienet taf li hu innoċenti.
Fil-Qorti l-ispettur Eman Hayman irrakkonta li l-pulizija żaru r-residenza tal-mara biex jinvestigaw iżda meta kellmu lill-allegat vittma, li kien mimli ġreħi, qalilhom li anki hu jixtieq jagħmel rapport.
Ġie spjegat li permezz ta’ filmati tas-sigurtà li ġew elevati mid-dar urew l-ebda avvanz sesswali mir-raġel iżda wrew tmintax-il minuta ta’ abbuż kontinwu mill-akkużata permezz ta’ lembuba, kitla mimlija misħun u apparat ieħor.
F’isem l-allegat vittma, l-avukat Dean Hili ddeskriva dan il-filmat bħala tmintax-il minuta brutali li fih il-vittma kien qed jokrob lill-imputata biex tieqaf.
L-ispettur Hayman spjega li l-akkużata ngħatat aċċess għall-evidenza li hemm kontriha u għaldaqstant hija mgħarrfa li t-tfal tagħha taw verżjoni differenti milli tat hi.
Il-Maġistrat laqgħet it-talba għal ordni ta’ protezzjoni favur ir-raġel tagħha.
Meta d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest qamet il-kwistjoni li l-mara tgħix mar-raġel tagħha u m’għandhiex fejn toqgħod.
L-ispettur argumenta li l-oppożizzjoni għall-ħelsien mill-arrest tistrieħ fuq l-intralċ ta’ provi b’mod partikolari fejn jidħlu t-tfal tal-koppja.
Hawnhekk l-Avukat tal-vittma qal kif qatt tista’ targumenta li l-akkużata għandha tingħata l-ħelsien fl-interess tat-tfal wara li hi mixlija li sawtet lil żewġha għal tmintax-il minuta quddiem it-tfal.
Il-Maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien iżda projbixxiet lill-akkużata milli tagħmel kuntatt mar-raġel u t-tfal.
Hi ġiet ordnata tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa f’għassa u mistennija toqgħod f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.
Kien hawnhekk li r-raġel offra li jmur jiġbed il-flus għaliha.