Mara ta’ ħamsa u ħamsin sena ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li ttellgħet il-Qorti mixlija b’akkużi relatati ma’ vjolenza domestika.
Il-mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha.
Id-difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba oġġezzjona għaliha l-ispettur Eman Hayman minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Minkejja dan, il-parte civile mmexxija mill-avukati Matthew Xuereb u Umberto Borg Cardona, li qed jidhru f’isem l-allegat vittma saħqu li r-raġel tal-akkużata bl-ebda mod ma jixtieq li l-mara tgħaddi minn xi perjodu ta’ priġunerija.
Id-difiża sostniet li dan il-każ huwa wieħed ta’ qsim il-qalb u tittama li l-każ jista’ jkollu eżitu ta’ rikonċiljazzjoni.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom fuq depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro.
Il-mara trid tiffirma f’għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u kienet imwissija biex ma tersaqx u ma titkellimx mal-allegat vittma.