Kulħadd bla kliem u mbikkem. Ħadd ma seta’ jemmen dak li seħħ fid-19 ta’ Lulju li għadda. Kien inċident sfortunat.
Fi knisja mimlija, fi skiet taqtgħu b’sikkina u b’uċuħ jixhdu d-dieqa tal-firda, is-Sibt waranofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lil Mirabelle Falzon li fl-eta tenera ta’ 22 sena tilfet ħajjitha f’diżgrazzja fl-inħawi tal-Munxar, f’ Wied il-Għajn fejn ċeda xi blat, li waqa’ fuqha.
Fl-aqwa ta’ żogħżitha, ħajjet Mirabelle inħasdet kiesaħ u biered. Il-qalb tajba tagħha, deskritta minn ħafna bħala tad-deheb, ġibdet għadd kbir ta’ nies, l-aktar żgħażagħ tamparha, li mlew il-Paroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.
Dun Martin Micallef li mexxa din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tagħha ddeskriva l-qalb kbira ta’ Mirabelle.
‘Lil Mirabelle dejjem kont issibha hemm għal kulħadd imma l-aktar għall-familja tagħha. Meta dawn l-aħħar ġimgħat ommha kellha sieqha fil-ġibs għax kisritha, Mirabelle kienet hemm biex tgħinha. Kemm għamlet magħha. Mirabelle kienet tħobb lil kulħadd anke lill-annimali. Dejjem trid taddotta xi kelb jew kelba abbandunata għax tgħid dawn ma jkun iridhom ħadd. Inħeġġeġ lil min jista’ biex jaddotta kelb jew kelba biex b’dan il-ġest sabiħ inżommu ħajja l-memorja għażiża ta’ Mirabelle.’
Ispirat mill-Enċliklika ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew), ta’ Papa Franġisku, Dun Martin qal li Mirabelle għexet ħajjitha fuq il –beatitudnijiet.
‘Qaddisa hi Mirabelle li f’ħajjitha spikkat din il-beatitudni sabiħa. “Qaddisa Mirabelle għax qalbek kienet ħelwa.” Mirabelle kienet tħobb tagħmel il-make up biex tidher sabiħa imma s-sabiħ vera tagħha kien ħiereġ minn qalbha bil-mod kif ħabbet lill-oħrajn.’
Is-sens ta’ altruiżmu tagħha u l-imħabba lejn kulħadd kienu l-elementi prinċipali ta’ din iż-żagħżugħa li kienet maħbuba minn kulħadd.
Wara l-quddiesa, minkejja x-xemx taqli l-ankri, gemgħa kbira ta’ nies ta’ kull età ħonqu wkoll iz-zuntier, biex flimkien isellmu għall-aħħar darba lil Mirabelle Falzon.