Ix-xandar, preżentatur, u attur Leslie Glawdwish ingħata l-aħħar tislima fil-knisja parrokjali ta’ Santa Venera l-Erbgħa filgħodu.
Gladwish miet fl-għomor ta’ tmenin sena. Tul il-karriera tiegħu iddeverta lis-semmiegħa fuq Xandir Malta, u aktar tard ingħaqad ma’ ONE Radio, fosthom bil-programm ‘One Country’ flimkien ma’ Joe Bartolo.
Sa nhar is-Sibt li għadda Leslie kien għadu qiegħed jippreżenta programm fuq ONE Radio, fejn għal bosta snin żamm il-kumpanija lil eluf li kienu jsegwu l-programmi tiegħu.
David Muscat, li ħadem ma’ Gladwish fl-istazzjonijiet ta’ ONE, tkellem dwar kif jiftakru.
Qal, “Ma’ Leslie Gladwish, meta kont niġi ftit qabel, kien joqgħod jispjegali daqdxejn il-kanzunetti li jkun qed idoqq. Għax hu kien jiġi hawnhekk b’ħafna CDs, jiġifieri kien għadu sal-ġurnata tal-lum juża s-CDs. Persuna umli ħafna illi naħseb għandna x’nitgħallmu minnu.”
Iċ-Chairperson tal-istazzjonijiet ONE, Jason Micallef, u l-Kap ta’ ONE Radio, Clint Bajada, kien fost l-għexieren li sellmu l-memorja ta’ Leslie permezz ta’ kitbiet fuq il-midja soċjali.
Wara li Leslie ngħata l-aħħar tislima ħadna wkoll il-kummenti tar-rumanzier u produttur tal-films Elio Lombardi li, tul il-karriera tiegħu, ħadem għal bosta snin ma’ Leslie fosthom fuq film dwar l-ewwel qaddis Malti, San Ġorġ Preca.
Qal, “Bniedem li kien iħobb il-fotografija, iħobb l-arti, u dejjem sibtu. Leslie għamel ħafna films, fosthom il-film ta’ Dun Ġorġ Preca.”
Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE issellem il-memorja ta’ Leslie u tagħti l-għomor lil qrabatu.