Fil-Knisja tas-Sacro Cuor f’Tas Sliema, is-Sibt filgħodu, Dun Pawl Attard, Kappillan u Gwardjan tal-Komunita Franġiskana ċċelebra l-quddiesa tal-funeral tal-artist, pittur, marmista u mużiċista Mro Ronald Pisani, li ħalla din id-dinja, t-Tlieta fl-eta ta’ 71 sena.
Pisani li kien meqjus bħala marmista prim għamel diversi xogħlijiet tal-arti li jinkludu għadd ta’ artali fi knejjes differenti. Fost il-paroċċi f’pajjiżna li nsibu l-opri tal-irħam tiegħu insibu dawk fiż-Zebbuġ li jinkludu l-Ambone u l-Fonti tal-Magħmudija, xogħol fl-irħam Oniċe, l-artal u s-slaleb li saru dan l-aħħar għall-Kappella tad-Dar Stella Maris, l-artal tat-12-il tunnellata li jinsab fil-Knisja ta’ Santa Tereża ta’ Birkirkara, u l-artal tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġieżu’ fir-Rabat, li kien ħadmu lura fil-bidu tas-snin disgħin u li reġa ħadmu mill-ġdid, wara t-tiġrif tas-saqaf li kienu ġabu frak.
Jibqa magħruf wkoll għall-marċ ‘Bernardette’, li kkompona u li jindaqq minn ħafna baned f’Malta u Għawdex. Barra li kien raġel tal-familja, kellu għall-qalbu l-mużika, b’imħabba profonda għall-vjolin, kien pittur u x-xogħol bl-iskalpell kien jagħmlu b’namra u dedikazzjoni kbira.
Maestro Ronnie Pisani ta sehmu b’mod sħiħ lill-Banda tal-Partit Laburista. Dwar dan tkellimna aktar fid-dettall ma’ Mario Degabriele.
Huwa qal ‘Ronnie Pisani għalina huwa l-Banda tal-Partit Laburista se jibqa mfakkar meta ġejna biex nagħmlu l-emblema l-ġdida, l-arma l-ġdida tal-Banda f’għeluq il-75 sena mit-twaqqif tagħha u għamlilna l-arma l-ġdida li għadna nużaw sal-lum. Barra minn dan Ronnie Pisani kien ħadmilna t-trofew, il-Bandist Żagħżugħ tas-Sena li għadna nagħtuh lil-bandist tas-sena, li jkun l-iktar promittenti, u anke fl-imġiba u l-attendenza u Ronnie Pisani dejjem kien magħna meta ġejna bix nagħmlu librett ġdid u għaddilna marċi minn tiegħu.’