‘Man of all seasons’ hekk ġie deskritt Godwin Grech li ħalla din id-dinja nhar l-Ewwel tas-Sena li għadda, tard billejl.
Kien ibnu, Owen Grech, li ħabbar il-mewt ta’ missieru fuq il-midja soċjali. Qal li missieru dejjem kien lest jgħin u jħobb lil kulħadd.
Godwin Grech kien ilu kunsillier fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ għal ftit xhur, wara li ġie elett fl-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda.
Kienu ħafna li fuq il-midja soċjali esprimew id-dieqa tagħhom għall-mewt ta’ Godwin.
Aktar kmieni llum, hu ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali tal-istess lokalità fejn għaliha attendew numru kbir ta’ nies bil-funeral tmexxa minn Fr. Colin Apap.
F’omelija mill-aktar sentimentali, Grech ġie deskritt bħala bniedem ta’ kulħadd u għal kulħadd, bniedem li b’għemilu kien juri kemm vera kien jimpurtah minn dawk ta’ madwaru.
“Għaliex insejjaħ lill-Godwin a man of all seasons? Intom tafu iżjed minni. Tafu x’karattru kellu. Tafu kif kien jmur man-nies. Tafu kif kien u kellu l-kapaċità li jħaddan mhux biss nies li huma konvinti mill-ideali tiegħu imma lil tant oħrajn li mhumiex. Kien veru bniedem tal-istaġuni kolla.”
Fr. Colin Apap
Fr. Colin temm jgħid li l-Ispirtu ta’ Godwin Grech jibqa’ ħaj fost il-Maltin u l-Għawdxin kolla.