Ingħatat l-aħħar tislima lill-eks sindku ta’ Birżebbuġa, Joe Farrugia, l-aktar magħruf bħala ‘Ir-Ricky’ fil-Knisja ta’ San Pietru l-Ktajjen, f’Birżebbuġa.
“Ir-Ricky” ħalla din id-dinja nhar it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 80 sena.
Fl-omelija tiegħu, il-Kapillan tal-lokalità ta’ Birżebbuġa, Reuben Micallef faħħar lil Joe Farrugia ‘Ir-Ricky’, li kien raġel ġenwin li ta ħafna mħabba u għajnuna lin-nies ta’ madwaru.
Micallef qal li bħala Sindku ta’ Birżebbuġa, “Ir-Ricky” ħadem fuq bosta proġetti marbutin mal-Port Ħieles.
Intqal li Farrugia kien ta’ ispirazzjoni għal bosta nies fil-komunità u fil-qasam tal-volontarjat.
“Bniedem li bħalma jgħidulek bosta, ma kienx iħares lejn il-kuluri politiċi imma kien jaqbad jgħin lil kull min hemm bżonn, ukoll fil-qasan soċjali, kien jaħdem ħafna biex jgħin persuni li fi skiet kien jgħinhom, jagħtihom li hemm bżonn u jaqdihom.”
Reuben Micallef – Kapillan ta’ Birżebbuġa
Preżenti għall-funeral kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ diversi Ministri, membri Parlamentari miż-żewġt naħat tal-kamra, qraba u ħbieb.
Kien hemm preżenti wkoll is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri wara li f’Settembru tal-2021, ‘Ir-Ricky’ ċeda postu lilu bħala Sindku tal-lokalità.
Mument emozzjonanti kien fl-aħħar ta’ din l-aħħar tislima, fejn dawk preżenti taw ċapċipa twila lil Farrugia mill-Birżebbuġin, li tant ħabb u ħadem għalihom.