It-Tnejn, sebgħa ta’ Novembru, Malta sellmet lill-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici.
Kien is-Sibt, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, meta tħabbret il-mewt tad-disa’ Prim Ministru ta’ Malta, li serva f’din il-kariġa bejn Diċembru tal-1984 u Mejju tal-1987.
Għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, il-korteo bit-tebut tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista għadda minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Hemmhekk sab jistennih lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, u l-grupp parlamentari Laburista. Magħhom kien hemm ukoll diversi membri mill-fergħat tal-partit u anki delegati Laburisti, kf ukoll iċ-Chairman tal-istazzjonijiet ONE.
Meta t-tebut wasal quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, huwa ntlaqa b’ċapċipa twila.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, poġġa kuruna tal-fjuri fuq it-tebut u sellem il-memorja tad-disa’ Prim Ministru ta’ Malta u l-ħames mexxej tal-Partit Laburista.
Minn hemmhekk, il-korteo mar quddiem il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, fejn wasal ftit qabel is-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar.
Fuq it-tebut tal-eks Prim Ministru kien hemm il-bandiera Maltija. It-tebut intrefa’ minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Magħhom kien hemm ukoll membru ieħor tal-Forzi Armati li żamm il-medalji li rċieva tul ħajtu l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, fosthom dik tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu bħala kumpann tal-unur.
Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika mexxiha l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna, flimkien man-neputi ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.
L-ewwel qari, is-Salm Responsarjali u t-Tieni Qari nqaraw min-neputijiet ta’ Karmenu Mifsud Bonnici: Lawrence Galea Curmi, id-deputat Paula Mifsud Bonnici, u Edgar Galea Curmi.
It-talbiet tal-fidili nqaraw mill-proneputijiet Beppe, Katarina, Michela, Cristina u Stefano.
L-omelija saret min-neputi tal-eks Prim Ministru, Monsinjur Galea Curmi, li semma l-ġid li għamel tul ħajtu Karmenu Mifsud Bonnici.
Monsinjur Galea Curmi tkellem dwar kif Karmenu Mifsud Bonnici kien juri interess fi qrabatu, anki ftit qabel mewtu. Huwa semma li l-eks Prim Ministru kellu l-imħabba u l-għożża fil-familja, minkejja opinjonijiet differenti.
Huwa fakkar li Karmenu Mifsud Bonnici kellu mħabba lejn il-fqir u lejn dawk l-aktar vulnerabbli, u din esprimiha mingħajr ebda daqq ta’ trombi.
“L-imħabba lejn il-fqir ma kinitx għalih slogan li juża għal xi skop, imma kienet realtà illi jgħixha. Ma baqax passiv quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn. Kien bniedem li lest il-ħin kollu biex jagħti minn tiegħu lil ħaddieħor. Kien hemm klijenti li, minflok ħallsuh, tahom hu l-għajnuna biex jgħajxu lill-familja. Kemm nies għen fil-kwiet u fis-skiet minn butu bla daqq tat-trombi, fejn biss Alla, u jara biss Alla.”
Huwa qal li Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem konvint u determinat f’dak li jemmen fih, u jżomm mal-prinċipji tiegħu.
Semma wkoll li Mifsud Bonnici ma riedx funeral statali, u dan esprimih f’ittra li ħalla qabel mewtu – dan juri kemm l-eks Prim Ministru kien umli.
“Nirringrazzjaw lil Alla għax-xhieda tiegħu ta’ umiltà, li ma fittixx l-unuri, il-prestiġju, il-preġji tad-dinja, dak li jagħmel ħoss u dak li jolqot l-għajn. Dikjarazzjoni li ħalla bil-miktub li ma jridx funeral statali u li tant insista fuqha hi tipika tiegħu – tesprimi proprju dak li kien.”
Preżenti għall-funeral kien hemm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia, mart il-President ta’ Malta, Miriam Vella, l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, il-Prim Imħallef, Mark Chetcuti, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Preżenti wkoll kien hemm l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat.
Attendew ukoll Patri Dijonisju Mintoff, li jiġu ħu l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff, li Karmenu Mifsud Bonnici kien is-suċċessur tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista.
Preżenti wkoll kien hemm il-qraba ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, fosthom ħuh, l-eks Segretarju Parlamentari Antoine Mifsud Bonnici, u kuġinuh, il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici.
Fi tmiem il-quddiesa tal-funeral, l-Isqof Awżiljarju, għan-nom tal-familja Mifsud Bonnici, irringrazzja lill-ogħla awtoritajiet għas-sehem tagħhom f’din l-aħħar tislima.
Hekk kif spiċċat l-aħħar tislima lill-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici, it-tebut bil-bandiera Maltija ħareġ mill-Knisja fil-Ħamrun, fuq spallejn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Kif it-tebut ħareġ mill-knisja, il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Clint O’Neil, għadda l-bandiera Maltija lill-familja Mifsud Bonnici.
Hawnhekk, Karmenu MIfsud Bonnici telaq għall-aħħar darba mill-Ħamrun.
L-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici twieled f’Bormla fl-1933, iżda fl-eta ta’ seba’ snin, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, marru jgħixu l-Ħamrun.
Tul ħajtu, l-eks Prim Ministru għex fin-naħa tal-Kunċizzjoni, il-Ħamrun, il-festa li tant kien iħobb minħabba l-oriġini tiegħu bħala Bormliż.
In-nies barra l-Knisja ta’ Immakulata Kunċizzjoni ċapċpu u taw l-aħħar tislima lil eks Prim Ministru ġentlom, anki billi waddbu l-ward aħmar u abjad: il-kuluri li tant kien iħobb l-avukat Bormliż, li quddiemu dejjem ġab il-bandiera Maltija, bajda u ħamra.
Karmenu Mifsud Bonnici ħalla din id-dinja, iżda l-legat tiegħu favur il-ħaddiema jibqa’ mfakkar għal dejjem fil-frott ta’ ħidmietu.