It-Tnejn filgħodu, f’San Ġwann, ngħatat l-aħħar tislima lill-eks Ministru Laburista Edwin Grech.
Il-Professur Edwin Grech miet nhar l-Erbgħa li għadda fl-età ta’ 94 sena. Huwa serva bħala Ministru għall-Ħarsien Soċjali fil-Gvern Laburista tad-disgħinijiet u għadda minn martirju wara l-qtil ta’ bintu Karin b’ittra bomba f’Diċembru tal-1977.
Nhar is-Sibt li għadda, l-eks Ministru Laburista ngħata tislima wkoll f’ċerimonja reliġjuża fiż-Żebbuġ Għawdex, skont ix-xewqa tiegħu. Huwa kien għex f’dak ir-raħal għal bosta snin.
Il-Professur Grech beda l-aħħar vjaġġ tiegħu b’korteo funebri li, għall-ħabta tad-9am waqaf quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn ingħata tislima minn membri tal-Amministrazzjoni tal-Partit. Il-President tal-Partit, Ramona Attard, poġġiet kuruna tal-fjuri fuq it-tebut.
Wara, huwa ttieħed lejn il-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann, fejn hemmhekk ġiet iċċelebrata l-ħajja tiegħu permezz ta’ quddiesa presente cadavere.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew diversi persuni li kienu qrib tiegħu bħala professjonist, politiku, u ħabib. Preżenti wkoll kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-quddiesa qaddisha il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, il-Monsinjur Charles Cordina, li fl-omelija tiegħu għamel eloġju dwar il-kwalitajiet li kienu jikkaraterizzaw lill-Professur Grech fil-ħajja tiegħu, kemm dik privata kif ukoll dik pubblika.
Fost il-kwalitajiet li Edwin Grech kien imżejjen bihom kien hemm il-prinċipji sodi li kienu jsawruh. Huwa kien bniedem rett, organizzat, iżda ma kienx ifittex li jidher u kien jagħmel l-affarijiet minn qalbu għax kien iħoss id-dover.
Il-Monsinjur Cordina nnota wkoll il-professjonalità li kien jaħdem biha filwaqt li tkellem dwar kemm kien sensittiv għat-tbatija ta’ min kien ikollu quddiemu.
Qal, “Fil-fatt, kien jara li ma jkunx hemm tbatija f’ħaddieħor, anki meta kien jara t-tbatijiet fil-persuni l-oħra, speċjalment anki fil-qasam tiegħu tal-ġinekoloġija, fejn kien bniedem li jara li jsalva l-ħajja, li jagħti l-ħajja lil ħaddieħor, u kien verament u kontimwament moħħu li l-bniedem ma jħalliehx ibati.”
Il-Professur Grech kien ukoll għatxan għat-tagħlim, biex itejjeb lilu nnifsu iżda wkoll b’sens altruwist lil ta’ madwaru.
Din il-kwalità ġarrha wkoll miegħu fil-ħajja pubblika, b’mod speċjali meta serva bħala Ministru għall-Ħarsien Soċjali.
Stqarr, “Għaliex kien bniedem li jara, li jixtieq itejjeb madwaru u jagħmel differenza bit-tajjeb tiegħu – il-Bambin żejnu b’doni li seta’ jagħmlu dan, li seta’ joffri madwaru, lis-soċjetà tagħna, xi ħaġa sabiħa bil-kwalitajiet tiegħu.”
Fl-omelija, il-Monsinjur Cordina ma naqasx milli jinnota l-episodju iswed fil-ħajja personali tiegħu: dak tal-qtil ta’ bintu Karin.
Madanakollu, minkejja n-niket li dan l-episodju ġab miegħu, huwa xorta waħda baqa’ jippersevera u jattwa l-kwalitajiet sbieħ tiegħu għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Monsinjur Cordina qasam anedottu li tixhed l-imħabba li kellu ta’ missier lejn bintu Karin, hekk kif wara mewtha kien isib faraġ fiha.
Qal, “U kienet sabiħa ħafna li lil Karin, peress li kien iħobbha ħafna – u kienet verament tbatija kbira għalih il-mewt tagħha – kien imur ta’ kull nhar ta’ Sibt, kull ġimgħa. Kien imur fuq il-qabar tagħha, hemmhekk, u jgħaddi ħinijiet twal fil-kwiet magħha.”
Fil-fatt, huwa kien joqgħod jitkellem ma’ bintu filwaqt li kien isib refuġju fiha; anki saħansitra jaqsam il-problemi tiegħu magħha f’dan il-ħin.
Il-Professur Edwin Grech kien ukoll bniedem reliġjuż u kien ukoll ifittex direzzjoni spiritwali dwar ix-xogħol tiegħu.
It-tebut ta’ Edwin Grech intrefa’ mill-aktar għeżież tiegħu hekk kif il-Knisja dwiet b’ċapċip b’turija ta’ rispett u tislima xierqa lejn il-ħajja li għex.
Mumenti wara t-tmiem tal-quddiesa, l-istess kwalitajiet li kienu nnutati waqt l-omelija qasmuhom magħna wkoll minn dawk li attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni u li kienu jafu lil Edwin Grech minn perspettivi differenti.
“Bniedem tal-affari tiegħu, mill-aktar ġentili, li jagħmel l-affarijiet b’ċerta serjetà fil-professjoni.”
“Bħala raġel ta’ veru, gentleman.”
“Sar Ministru tas-Servizzi Soċjali, ejn reġa’ wettaq il-qalb kbira li kellu bħala tabib, issa bħala Ministru tas-Servizzi Soċjali taħt Gvern Laburista.”
“Nibqgħu niftakruh bi mħabba kbira – għax hu kien dejjem il-ġinekologu tagħna u l-kuġin tagħna – bi mħabba kbira.”
“Nibqa’ niftakru bħala bniedem onest f’xogħlu u li l-prinċipji tiegħu ma jinbildux skont ir-riħ – fis-sens, bniedem ta’ qalb kbira.”