Fl-isfond tal-mota mnikkta mill-qniepen tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, u l-bnadar mezz’asta li żewqu s-sema blu ċar, ingħata l-aħħar tislima l-Arċisqof Emeritu, Pawlu Cremona.
Arċisqof maħbub mill-Maltin u l-Għawdxin, u barra minn xtutna, li tul id-79 sena ta’ ħajja, m’għamilx ħlief iħenn u jħobb.
Fl-aħħar sigħat huwa kien espost għall-qima fl-Oratorju tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann – fejn mijiet ta’ persuni sellmu lir-ragħaj spiritwali għall-aħħar darba.
56 sena wara li huwa ġie ordnat saċerdot, mijiet ta’ persuni ħonqu l-Konkatidral ta’ San Ġwann, u anke biswitu, sabiex jagħtuh l-aħħar tislima.
Kienu (nofsilejl neqsin ħamsa)11:55 tat-Tlieta filgħaxija, ftit minuti qabel il-ġurnata qelbet għal Jum San Ġużepp, meta Patri Pawl, ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu sabiex għadda għall-ħajja ta’ dejjem.
Fil-Konkatidral, kien hemm preżenti l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż – fosthom il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, flimkien ma’ żewġha, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu.
Fil-Kon-Katidral dewa l-eku tal-kant ta’ għadd ta’ patrijiet, li tawh l-aħħar tislima, kif verament xieraq. Preżenti wkoll – mijiet ta’ sorijiet u saċerdoti – fosthom dawk mill-familja Dumnikana. Familja mnikkta, hekk kif qed tibki wieħed minnha – Pawlu Cremona – li kien serva bħala l-Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija, kif ukoll kellu r-rwol tal-Formazzjoni tan-Novizzi u l-Istudenti Dumnikani fir-Rabat.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof preżenti Charles Scicluna, għamel aċċenn għall-umiltà li dejjem wera – dak li ħafna kienu jafuh bħala Patri Pawl – hekk kif ma kienx jaf ħlief imħabba.
Żied jgħid kif frażi li kien jgħid l-Arċisqof Emeritu, kienet “ħabbejtkom u ħabbejtuni.” Hu tenna kif din l-frażi dejjem kienet toħroġ minn fommu b’sinjal ta’ qalb tajba, hekk kif kien xempju tal-imħabba hekk kif kien jagħti qalbu lil dawk kollha li kien jiltaqa’ magħhom, anke fil-Parroċċi fejn serva bħala Kappillan – fi Gwardamanġa u f’Tas-Sliema.
“Verament kienet toħroġ minn qalbu il-kelma għażiża li biha nibqgħu niftakruh. Ħabbejtkom u ħabbejtuni. Kienet faċli tħobb lill-Patri Pawl, għax hu kien imħabba. Kien għal kull wieħed u waħda minna. Laqgħa sabiħa ma’ persuna li fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja tbattlet minnha nnifisha u ħalliet lil Alla jgħix fiha.”
Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna
Hawnhekk, in-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-E.T. l- Arċisqof Savio Hon Tai-Fai SDB, qara l-messaġġ li kiteb il-Papa Franġisku nhar il-Ħamis għoxrin ta’ Marzu, fejn fih stqarr li jinsab imnikket bil-mewt tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.
Waqt li bagħat il-kondoljanzi sinċiera kemm lill-Arċisqof Charles Scicluna, lill-familja Dumnikana, lill-familja tiegħu, u l-poplu Malti, Papa Franġisku rringrazzja lil Alla għad-don tal-Arċisqof Cremona u għas-servizz li qeda fedelment fil-Knisja ta’ Malta.
Wara din l-aħħar tislima presente catavere, f’Katidral ippakjat, minkejja li jesa’ madwar 500 persuna, fejn saret tislima xierqa minn għadd ta’ saċerdoti u abbatini.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar il-qniepen reġgħu daqqu l-istess mota – din id-darba għall-aħħar darba – b’tislima lil Monsinjur Pawlu Cremona – Saċerdot li kien tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, hekk kif kien ir-ragħaj ta’ dan il-poplu bejn l-2007 u l-2014.
Hawn imbagħad, il-funeral u d-difna ssukktaw b’mod privat, fejn il-ġisem tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona ttieħed fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar u ta’ San Duminku, ir-Rabat – fejn hemmhekk saret id-difna.