Il-Ħamis waranofsinhar, fil-Knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta, ingħatat l-aħħar tislima lill-Aġent President tar-Repubblika, Francis Zammit Dimech. Hu miet it-Tnejn li għadda fl-għomor ta’ 70 sena.
Zammit Dimech serva għal tletin sena fil-Parlament Malti bejn l-1987 u l-2017. Fis-sentejn ta’ wara, hu wkoll serva bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Għal din l-aħħar sena, taħt il-Presidenza ta’ Myriam Spiteri Debono, Zammit Dimech serva bħala Aġent President.
Fl-omelija, il-Delegat tal-Kultura tal-Kurja, Monsinjur Claude Portelli, qal li Zammit Dimech kien bniedem li rrispetta lil kulħadd, ta’ leatà u li jġib il-ferħ kull fejn ikun.
Qal ukoll kif Zammit Dimech kien jemmen li l-politika hi ta’ servizz u kien jirrispetta l-opinjoni ta’ kulħadd.
Preżenti għall-funeral kien hemm il-President Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u diversi deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.