Fid-Duomo ta’ Milan, l-Erbgħa, ingħatat l-aħħar tislima lil-eks Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi.
Huwa miet fl-età ta’ 86 sena fl-Isptar San Raffaele f’Milan, fejn għal żmien twil kien qed jingħata l-kura għal kanċer fid-demm. Fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu ddaħħal f’kura intensiva wara li qabditu infezzjoni fil-pulmun.
L-Arċisqof ta’ Milan mexxa l-funeral statali.
Eluf imlew Pjazza Duomo bil-bnadar Taljani fi jdejhom, iċapċpu u jkantaw: “Silvio dejjem ikun il-President tagħna”.
Berlusconi kien figura ferm importanti u ħafna drabi anke kontroversjali fix-xena politika, sportiva, u tal-midja fl-Italja.
Fost dawk li attendew għall-funeral tiegħu kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg.
F’isem il-Gvern u l-poplu Malti, il-Ministru Ian Borg għadda l-kondoljanzi sinċiera lill-qraba ta’ Berlusconi u anke lill-membri tal-Gvern Taljan – primarjament il-Viċi Prim Ministru Antonio Tajani.