Din hija parti mis-silta mużikali ‘Kemm hu sabiħ’. Lirika mirquma għall-aħħar, b’mużika ta’ Mro Paul Abela, mill-pinna ta’ Ray Mahoney, miktuba lil Sammy Bartolo lejn tmiem ħajtu.
Is-Sibt filgħodu fil-parroċċa ta’ Santa Luċija ddedikata lil Papa Piju X ingħatat l-aħħar tislima lil Ray Mahoney, kittieb prolifiku u għal snin twal xandar fuq l-istazzjonijiet One. Mahoney jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-aqwa kittieba tal-lirika mirquma fil-pajjiż. Ismu se jibqa’ mnaqqax għall-kitba tal-kliem meqjus tal-ewwel rock opera Maltija dwar l-istorja ta’ pajjiżna ‘Ġensna’ u diversi musicals oħrajn mill-Iljieli Meditteranji fost oħrajn. Xogħlu fil-kitba se jibqa’ ttimbrat wkoll fil-Eurovision Song Contest, permezz ta’ ‘Could it Be’ fl-1991 u ‘Little Child’ kklasifikata fit-tielet post fl-1992.
Leħnu jibqa’ marbut mal-qari ta’ diversi xogħlijiet u rumanzi fuq One Radio. Pilastru ewlieni fil-poeżija u l-letteratura ta’ pajjiżna. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju u awtur ta’ għadd ta’ poeżiji.
Fil-funeral spikkaw diversi persuni distinti minn kull sfera tal-ħajja, fost oħrajn awturi, artisti, xandara u kantanti li ħadmu miegħu mill-qrib tul ħajtu.
One News tkellem ma’ wħud li kienu preżenti, li lkoll iddeskrivew lil Mahoney, bħala xempju tal-umiltà, ta’ ftit kliem u ta’ qalb kbira.
Fl-aħħar tal-quddiesa, fl-isfond tal-mużika ta’ Mro Paul Abela, b’ ‘Tema 79’ minn Ġensna, Mary Spiteri kantat il-kliem miktub għall-okkazzjoni, mill-awtur Joe Julian Farrugia, b’tislima lil Ray Mahoney li ħalliena fil-25 ta’ Lulju fl-età ta’ 74 sena.