F’Istanbul, it-Turkija, għexieren ta’ persuni taw l-aħħar tislima lil Pelin Kaya, it-Torka ta’ 30 sena li tilfet ħajjitha meta ttajret minn karozza nhar l-Erbgħa kmieni filgħodu fl-Imsida.
Għal din l-aħħar tislima, li saret f’moskea f’Istanbul, kien hemm preżenti omm u missier Pelin, li ma kinux f’qagħda li jiġu Malta minħabba li jinsabu devastati b’dak li ġara lil binthom.


Kien ilbieraħ filgħaxija meta titjira operata mit-Turkish Airlines ħadet il-katavru ta’ Pelin lejn it-Turkija. Din niżlet f’Istanbul għall-ħabta tal-għaxra u kwart ta’ filgħaxija, ħin ta’ Malta.
Il-katavru ta’ Pelin Kaya ttieħed bl-ajru wara arrangament mill-Gvern Malti, li daħal għall-ispejjeż relatati. Ta’ dan, fi stqarrija, il-familja tal-vittma rringrazzjat lill-awtoritajiet Maltin.

Intant, missier Pelin Kaya tkellem mal-midja Torka, u qal li sar jaf bl-inċident mingħand bintu l-oħra, li tiġi oħt il-vittma. Qal li l-ħemda li kien hemm fid-dar inkisret bi twerżiqa, x’ħin oħt il-vittma saret taf b’telefonata li għamlitilha ħabiba tagħha li toqgħod Malta.
F’din l-intervista, missier Pelin Kaya qal li l-aħħar li kellimha kien it-Tlieta filgħaxija, meta awguralha għal għeluq sninha. Dakinhar ukoll, huwa bagħtilha l-fjuri online.
