Mijiet ħonqu kull rokna tal-Knisja Arċipretali u z-zuntier ta’ Ħaż-Żabbar biex għall-aħħar darba jsellmu lil Graziella Mallia ta’ 53 sena u lil bintha Fallon ta’ 31 sena.
Il-mewt traġika tagħhom l-Ħadd filgħaxija fl-Imġarr f’inċident li fih kienu involuti għaxar persuni, ħasdet lil dawk kollha li kienu jafuhom l-aktar liż-Żabbarin.
Huma tilfu ħajjithom f’ħabta frontali waqt li kienu fi triqithom lura d-dar flimkien ma’ qrabathom u ħbieb tagħhom.
Fl-omelija tiegħu, Patri Joe Giuliano qal li Graziella u Fallon kienu qishom ħabel u satal għax kull pass li kienu jieħdu, kienu jagħmluh flimkien.
Qal li Graziella u Fallon ma ħadu xejn magħhom, iżda ħadu l-għożża u l-imħabba li rabbew biha lil Eli, it-tifel ta’ Fallon li wkoll indarab serjament fl-inċident tal-Ħadd flimkien mal-bużnanna tiegħu Lucy.
Il-Pirjol semma wkoll l-imħabba u l-impenn li l-vittmi kellhom lejn il-Knisja. Imħabba li għaddew wkoll lejn it-tifel ta’ Fallon li huwa wkoll abbati fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja.
Qal li meta żaruh l-isptar, Eli tant hu ddedikat, li fi ħsibijietu kellu jekk hux se jkun jista’ jaqdi dmirijietu bħala abbati peress li bħalissa jinsab bil-kullar.
Patri Giuliano pprova jsabbar lir-raġel ta’ Graziella, Ġorġ flimkien ma’ bintu Adonia. Qalilhom kif martu u bintu Fallon se jkunu qed iħarsu lill-familja bl-istess impenn li kellhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Intant fi tmiem il-quddiesa, it-twiebet tal-vittmi ddawru lejn l-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja u wara ngħataw salut fuq iz-zuntier tal-knisja mis-Soċjetà Maria Mater Grazia li magħha kienet iddoqq Fallon.