Dalgħodu fil-Knisja ta’ Ħal Balzan ingħatat l-aħħar tislima lil Marco Bartolo, artist minn Ħal Balzan li għal snin twal ħadem anke bħala xenografu fit-Teatru Manoel.
Marco ħalla din id-dinja il-Ħadd li għadda fl-età ta’ 62 sena.
Marco Bartolo kien meqjus bħala artist prim u l-viżjoni tiegħu għax-xenografija kienet waħda impekkabbli. Kull min żar it-Teatru Manoel għal xi produzzjoni jew oħra, bla dubju seta’ jammira x-xogħol ta’ Marco Bartolo fis-settijiet u dak kollu li kien hemm bżonn biex jagħmel kull produzzjoni rikka f’dak li hu viżwal.
Apparti x-xogħol tiegħu bħala xenografu fit-Teatru Manoel u anke fl-Istitut Kattoliku Marco wkoll kien attur u mhux l-ewwel darba li ta sehmu f’xi produzzjoni, b’involviment anke fuq diversi karrijiet fi żmien il-karnival.
Il-memorja ta’ Marco Bartolo tibqa’ mfakkra mhux biss mit-Teatru Manoel iżda wkoll f’postijiet oħra, fejn fosthom il-Każin San Gabriel ta’ Ħal Balzan sellmu lil Marco hekk kif anke kien ħadem statwetta ta’ Marija Annunzjata propju qabel il-festa ta’ din is-sena, b’din tkun l-aħħar biċċa xogħol li huwa għamel. Bartolo ħadem fuq diversi opri tal-armar f’Ħal Balzan, fostħom diversi irħamar, pittura tal-pavaljuni u bandalori, kif ukoll pittura tan-Natività li kienet tintrama mal-faċċata tal-każin. Marco Bartolo kien ukoll eks reffiegħ tal-vara tal-Lunzjata f’Ħal Balzan.