Bħalissa qed tingħata l-aħħar tislima lill-pumpier Joseph Zammit li ħalla din id-dinja nhar il-Ħadd li għadda wara li sofra minn attakk tal-qalb.
Il-korteo kien kompost minn numru kbir ta’ vetturi tal-korpi dixxiplanti kollha fosthom dawk tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija, mill-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u anke mid-Dipartiment tal-Emerġenza, fi ħdan l-Isptar Mater Dei.
Dawn il-vetturi kienu misjuqa mill-kollegi tiegħu li għal snin twal servew lill-ħaddieħor fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Quddiesa ġiet imqaddsa mill-Kappillan ta’ Birżebbuġa, Anton Galea-Scannura.
Preżenti kien hemm ukoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Ministru Responsabbli mill-Korpi Dixxiplinarji, Byron Camilleri, u l-Ministru Owen Bonnici, f’isem il-Prim Ministru Robert Abela.