Ftit tal-mumenti ilu bdiet il-quddiesa li se tagħti l-aħħar tislima lil persuna għażiża għal ħafna nies, speċjalment għall-poplu Żejtuni li tiegħu serva ta’ sindku għal bosta snin- is-Sur Joe Attard.
Huwa miet fl-eta’ ta’ 77 sena.
Filfatt is-Sur Attard kien ilu aktar minn għoxrin sena Sindku taż-Żejtun. Żmien li matulu mexxa l-Kunsill Lokali b’tant ambizzjoni li l-poplu baqa’ jeleġġieh f’dil-kariga elezzjoni wara l-oħra.
Joe Attard kien ukoll President tal-Għaqda Banda Żejtun, fejn proprju fil-jum li ħalla din id-dinja kellu jiċċelebra l-erbgħin sena tiegħu bħala President.
Fl-istess ġurnata kien se jiġi inawgurat ukoll it-Teatru Pandora, fejn għal dawn l-aħħar ħdax-il xahar, minkejja li saħħtu bdiet tmur lura, Joe baqa’ sal-aħħar jagħti l-kontribut tiegħu u kien ħerqan ħafna li l-ħolma tiegħu ssir realtà.
Is-Sur Attard i kien maħbub minn bosta. Jixhdu dan kummenti ta’ persuni li tkellimna magħhom mumenti wara li ħarġet l-aħbar.
Ħidmietu fil-Partit Laburista kienet tmur lil’hinn mill-Kunsill Lokali hekk kif kien strumentali fil-bidu tal-istazzjonijiet ONE.
Joe Attard kien l-ewwel chairman ta’ ONE, u dak preżenti Jason Micallef iddeskrivieh bħala wieħed mill-aqwa pijunieri tal-istazzjon.
“Ninsabu mnikktin ħafna imma ninsabu wkoll ferħanin li fl-istess waqt ħdimna u kelna nies madwarna bħal Joe Attard li verament biex il-ONE għadu għaddej bis-saħħa li jinsab fiha llum, il-pedamenti ta’ dawk is-sisien twettqu min-nies bħal Joe Attard u m’għandna xejn ħlief kliem ta’ tifħir minkejja li ninsabu mnikktin għat-telfa ta’ Joe Attard u definittivament nibqgħu niftakruh mhux biss fi ħsibijietna imma b’għożża kbira għaliex kieku ma kinux nies bħal Joe Attard, l-istazzjonijiet ONE qatt m’eżistew.” – Jason Micallef, Chairman ta’ ONE
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sellem il-memorja tas-Sindku Żejtuni, u nnota l-imħabba li wera lejn il-komunità matul ħajtu.
Il-Partit Laburista ddeskrivieh bħala bniedem li ħadem kemm felaħ għall-komunità. Eżempju mill-isbaħ ta’ persuna li ma tieqaf qatt taħdem favur il-komunità li tgħix fiha.
ONE News isellem il-memorja ta’ Joe Attard, u jagħti l-kondoljanza lil qrabatu.