Il-Ħamis filgħodu, fil-Knisja ta’ San Ġorġ Preca tas-Swatar, ingħatat l-aħħar tislima lil JeanPaul Sofia.
Iż-żagħżugħ ta’ għoxrin sena, li instab bla ħajja qalb it-tifrik ta’ binja li ġġarfet is-Sibt filgħodu fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin.
Il-katavru taż-żagħżugħ nħareġ mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, kmieni l-Ħadd filgħodu, wara ħidma ta’ salvataġġ illi damet ‘il fuq minn 15-il siegħa.
F’dan l-inċident weġġgħu ħames ħaddiema oħra, li tlieta minnhom kienu fil-periklu tal-mewt, imma ħarġu mill-ITU.
JeanPaul kien ilu biss seba’ minuti fuq ġewwa tas-sit ta’ kostruzzjoni, meta wasal biex jgħaddi xi għodda lill-ħaddiema.
Għaċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja attedew għexieren ta’ żagħżagħ li lkoll fakkru l-memorji sbieħ li kellhom ma’ Jean Paul.
Filfatt, il-korteo bit-tebut wasal b’diversi ħbieb tal-vittma jsuqu l-karozzi tagħhom bi sticker fuqhom li biha fakkru l-memorja tiegħu.
Minn waħda mill-karozzi nstemgħet tindaqq ukoll il-kanzunetta ‘Xemx’, kanzunetta li żagħżugħ kien iħobb ikanta u jdoqq.
L-imħabba li bosta kellhom għal dan iż-żgħażagħ kienet ukoll evidenti fil-baħar ta’ fjuri u ritrati li tpoġġew madwar it-tebut.
Il-knisja kienet mimlija daqs bajda, filwaqt li fuq barra wkoll kien miżgħud bin-nies.
Kienet xewqa tal-familja u ħbieb taż-żagħżugħ li dawk kollha li jattendu l-funeral, ma jilbsux iswed, iżda jilbsu lbies bil-kulur.
Waqt l-omelija tiegħu, il-Kappillan ta’ Swatar Robert Grech, kellu kliem pożittiv fuq iż-żagħżugħ, li issa beda kapitlu ġdid fid-dinja eterna.
Dun Robert Grech qal ukoll li l-mewt tista’ tiġi għall-għarrieda, kif ġara fil-każ ta’ dan iż-żagħżugħ, li ddeskrivih bħala ferrieħi u li dejjem lest biex jgħin lill-oħrajn.
Qabel inħareġ it-tebut, Dun Grech indirizza lil sħab JeanPaul fejn qal li dan iż-żagħżugħ tahom rigal għax tahom il-possibilità li jkun qrib Gesu.
Fi tmiem il-funeral, ċapċipa twila dwiet mal-Knisja sabiex tfakkar il-memorja ta’ dan iż-żagħżugħ hekk kif it-tebut intrefa mill-qraba tiegħu u sħabu.
Intant spikkat ukoll il-poeżija f’forma ta’ messaġġ, li qrat it-tfajla ta’ JeanPaul, Kelly Grech, minn fuq l-ambone, fi tmiem il-quddiesa.
“Daqshekk għajjatna
Ara ġej Jean Paul is-Sofia
B’daħka liema bħala
U wiċċek jarmi d-dija.”