Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar qed tingħata l-aħħar tislima lil Felix Agius, ġurnalist u editur veteran.
Huwa miet il-Ħamis filgħaxija fl-età ta’ 73 sena.
Fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar kienu ħafna li nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lil Felix Agius.
Fl-omelija, l-Arċipriet Dun Evan Caruana ddeskriva lil Feliċ bħala raġel ta’ prinċipju b’valuri sodi mibnija fuq pedamenti b’saħħithom.
Meta tkellem dwar l-esperjenza kbira tiegħu fix-xogħol, l-Arċipriet qal li Feliċ kien imfittex għall-pariri għaliex is-sabiħ tiegħu kien li dejjem kien lest li jgħaddi l-għarfien tiegħu lil ħaddieħor.
Qal li kien inaqqas it-tbatija lil ħaddieħor, isaħħaħ ir-relazzjonijiet u dejjem jgħin fejn hemm bżonn.
Xi ħaġa li spikkat tul l-aħħar mumenti ta’ Feliċ fuq din l-art kienet li hu għamel kuraġġ lil min mar iżuru minflok bil-kontra.
Agius beda l-karriera fil-ġurnaliżmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’, li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press.
Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’.
Felix Agius għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-Isport qabel ma’ fl-1981 inħatar Editur tal-ġurnal ‘L-Orizzont’.
Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’ bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol.
Fl-aħħar jiem minn mindu tħabbret il-mewt tiegħu kienu ħafna li esprimew is-sentimenti tagħhom għall-impatt pożittiv li ħalla Agius fuq il-ħajja tagħhom. Fost dawn kien hemm eks mexxejja tal-Partit Laburista u ġurnalisti veterani oħra li kollha esprimew kemm Agius kien l-editur, il-ġurnalist ġenwin u l-missier li kulħadd ħabbu.