Fil-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, ingħatat l-aħħar tislima lid-dulċier Malti Croce Bonaci.
Fl-età ta’ wieħed u sittin sena, huwa ħalla din id-dinja aktar kmieni din il-ġimgħa wara battalja qalila mal-mard.
Bonaci, missier ta’ tnejn, għamel ħamsa u erbgħin sena fil-qasam tal-catering. Infatti kienu bosta li ddeskrivewh bħala wieħed mill-aqwa dulċiera li qatt kellna f’pajjiżna.
Ftit passi ’l bogħod minn wieħed mill-ħwienet tal-ħelu tiegħu, għexieren ta’ nies inġabru kemm barra u ġewwa l-knisja biex jiċċelebraw il-ħajja ta’ Bonaci.
Fl-omelija s-saċerdot iddeskriva lil Croce Bonaci bħala raġel ġentlom u tal-familja u qal kif ta’ kuljum kien imur isellem ix-xbieha tal-kurfiċiss, li tiegħu hu kien iġib l-isem.
“Talba li Kruċ kien jgħid ta’ kuljum, qabel jibda l-ħidma tiegħu, kien jidħol hawn isellem lil Ġesu sagramentat u jdur lejn ix-xbieha ta’ Ġesu Kurċifiss.”
Croce Bonaci jiġi ħu Herman u Karl Bonaci, żewġ personalitajiet Maltin li t-tnejn sellmu l-memorja ta’ ħuhom fuq il-midja soċjali.
Għall-funeral, apparti l-qraba u l-ħbieb, attendew ukoll bosta rappreżentanti miż-żewġ naħat tal-Kamra u s-Sindku tal-Belt.