Mat-tokki tas-siegħa u nofs ta’wara nofsinhar bdiet timtela’ l-knisja ta’ Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid minn qraba li b’qalb maqsuma riedu jagħtu l-aħħar tislima lil bint u omm żagħżugħa li tteħditilhom kmieni wisq.
Chantelle Chetcuti mietet it-Tnejn fl-età ta’ 34 sena wara li ġiet attakkata b’sikkina barra l-Klabb tal-Futbol f’Ħaż-Żabbar il-Ħadd filgħaxija. L-eks sieħeb tagħha qiegħed jaffaċċja akkużi b’rabta mal-qtil traġiku tagħha.
Fl-omelija l-Kappillan ta’ Ħal Safi, Fr David Farrugia rringrazzja lil Chantelle li wara mewtha se jirnexxielha tqajjem fil-poplu Malti apprezzament sinċier lejn id-don tal-ħajja u disprezz lejn il-vjolenza domestika.
Huwa qal: “Jeħtieġ nieħdu dejjem aktar pożizzjoni ċara li m’għandha qatt tkun ittolerata l-vjolenza fl-ebda ambjent, aħseb u ara f’dak domestiku, ħalli fl-ebda ambjent u ċirkostanza ma jkollna vittmi: kemm nisa, u tfal qed jispiċċaw ibatu ħafna drabi fis-skiet u l-biżà! Kemm b’mod umiljanti anke rġiel qed isofru imma jsibuha wisq itqal jitkellmu.”
Dan kien każ li qajjem bosta sentimenti fis-soċjetà Maltija b’bosta jgħidu tagħhom fuq pjattaformi differenti.
Lil hinn mill-kummenti u l-attenzjoni tas-soċjetà, l-għeżeż persuni ta’ Chantelle issa tħallew waħidhom biex fis-skiet isellmulha għall-aħħar darba u jibqgħu jgħożżu kull memorja li għandhom tagħha.
Is-skiet inkiser b’ċapċipa fl-aħħar tal-quddiesa li dwiet hekk kif it-tebut tagħha inħareġ mill-knisja. Ċapċipa li tagħti leħen lit-tbatija ta’ mara li għaddiet minn dan kollu fis-skiet, sforz l-imħabba li minflok sostnietha spiċċat ħaditha kmieni wisq.