Wara ħajja ta’ 99 sena, is-Sibt, ir-Renju Unit waqaf u b’dieqa sellem għall-aħħar darba lill-Prinċep Filippu permezz ta’ funeral ċerimonjali.
Kien għal ħabta tat-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar x’ħin il-Land Rover immodifikata f’karozza tal-mejtin waslet barra l-grada tal-kastell Windsor fejn ħalla din id-dinja d-Duka ta’ Edinburgh nhar id-9 ta’ April li għadda. Il-vettura li ntużat sabiex iġġorr it-tebut u l-mużika li ndaqqet minn baned irjali intgħażlu u ġew modifikati skont ix-xewqat tad-Duka qabel miet.
Minn hemmhekk it-tebut beda l-vjaġġ għall-kappella ta’ San Ġorġ b’purċissjoni rjali.
Barra l-kappella ġiet sorveljata minuta ta’ silenzju b’rispett lejn id-Duka ta’ Edinburgh.
Qabel il-minuta ta’ silenzja, r-Reġina Eliżabetta II daħlet fil-kappella fejn hemmhekk intlaqgħet mill-Arċisqof ta’ Canterbury li mexxa ċ-ċerimonja flimkien mad-dekan ta’ Windsor. F’din iċ-ċerimonja ġew iċċelebrati l-lealtà tiegħu lejn ir-Reġina, is-servizz li ta’ lin-nazzjon tar-Renju Unit kif ukoll il-kuraġġ li dejjem wera.
Waqt iċ-ċerimonja ir-reġina kienet bilqiegħda l-iktar waħda qrib tat-tebut.
Evidentament kienet emozzjonata.
Il-prinċep William u l-prinċep Harry kienu bilqiegħda faċċata ta’ xulxin. B’kollox kien hemm 30 persuna magħżula mir-Reġina li kienu preżenti għaċ-ċerimonja. Mart il-Prinċep Harry, id-Dukessa ta’ Sussex, Meghan Markle ma kinitx preżenti wara li ngħatar parir ma tivvjaġġax minħabba t-tqala tagħha. Madankollu hija kitbet kartolina li ġiet ippreżentata flimkien ma’ kuruna tal-fjuri.
B’kollox 730 membru tal-forzi armati tar-Renju Unit ħadu sehem fil-funeral tad-Duka.
Intant f’Malta ġie sparat salut mill-Barrakka ta’ fuq f’ċerimonja organizzata minn Fondazzjoni Wirt Artna f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-turiżmu. Dan sabiex anke f’pajjiżna tingħata tislima lid-duka li kellu rabta speċjali ma’ pajjiżna.