Il-Ħadd wara nofsinhar id-dinja inġabret quddiem it-televiżjoni hekk kif ngħata bidu għall-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 fil-grawnd ta’ Al-Bayt fil-Qatar.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ rat lill-attur Amerikan, Morgan Freeman jagħmel messaġġ dwar l-unità.
Aktar tard fl-istess ċerimonja, ngħaqad ma’ Freeman, Ghanim Al Muftah, li seraq l-attenzjoni taċ-ċerimonja. Al Muftah magħruf bħala ‘Miracle Boy’ jbati mill-kundizzjoni tal-Casual Regression Syndrome li tipparalizza l-parti t’isfel tax-xewka tad-dahar.
Wara daħlu t-tnejn u tletin bandiera tal-pajjiżi li se jkunu qegħdin jikkompetu fi tmien gruppi rispettivi.
L-ispettakli kompla bil-kantant mill-Korea t’Isfel, Jung Kook, tal-grupp BTS ikanta d-diska, ‘Dreamers’. Huwa qasam il-palk fil-grawnd li jesa’ sittin elf spettatur ma’ Fahad Al Kabaisi, kantant mill-Qatar.
Iċ-ċerimonja kienet ikkaraterizzata mid-daqq ta’ diversi diski u għajtiet marbuta mad-dinja tal-futbol.
Spikkaw ukoll il-mascots ta’ edizzjonijiet preċedenti tat-Tazza tad-Dinja li ngħaqad magħhom ukoll La’eeb li huwa l-mascot ta’ din l-edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni dinjija.
L-Emir tal-Qatar Sheikh Tamim bin Hamad al-Thani imbagħad indirizza lis-segwaċi qabel il-bidu tat-Tazza tad-Dinja bl-Għarbi.
Huwa imbagħad laqa’ lil dawk preżenti għat-Tazza tad-Dinja u awgura lil dawk kollha li se jilgħabu għal pajjiżhom f’dawn il-ġimgħat.
“Welcome and goodluck to all.”
B’dan id-diskors, intemmet iċ-ċerimonja tal-ftuħ filwaqt li l-President tal-FIFA Gianni Infantino wkoll laqa’ lil dawk preżenti għat-Tazza tad-Dinja 2022.
Ftit qabel il-ħamsa ta’ waranofsinhar ħin lokali, indaqqew l-innijiet ‘Al-Salam Al-Amiri’ u ‘Salve, Oh Patria’ tal-Qatar u l-Ekwador b’mod rispettiv.
Biex b’hekk ingħata bidu għall-ewwel partita ta’ din il-kompetizzjoni, bejn dawn iż-żewġ pajjiżi li qegħdin fi Grupp A. Logħba li fil-biċċa l-kbira tagħhha kienet iddominata mit-Tim tal-Equador.
Fil-fatt, fit-tielet minuta tal-logħba gowl ta’ Enner Valencia tal-Ekwador, tħassar mir-referee Taljan Daniele Orsato wara li rrefera għall-VAR.
Madankollu l-istess tim ma’ kellux jistenna ħafna hekk kif fis-sittax-il minuta waslu għall-ewwel gowl tal-kompetizzjoni minn Valencia stess permezz ta’ penalty.
L-attakant li għandu tliet u tletin sena imbagħad reġa’ sab ix-xibka fil-wieħed u tletin minuta b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ biex għamel l-iskor tnejn b’xejn.
It-tieni taqsima kienet aktar kajmana, fejn l-iskor baqa’ wieħed l-istess, biex b’hekk il-partita ntemment b’rebħa mistħoqqa għall-Ekwador ta’ tnejn b’xejn.
Dan ir-riżultat diżappuntanti għall-ospitanti ta’ din l-edizzjoni kiser ir-rekord li mill-1930, pajjiż li jospita t-Tazza tad-Dinja qatt ma tilef il-partita tal-ftuħ.