F’dawn l-aħħar sitt snin, twettqu elf tliet mija u ħamsin miżura tal-baġit, u seba’ mija u għaxar rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.
Numru li jixhdu kontabilità bil-fatti, u governanza fil-prattika.
Meta kien qed jitkellem fil-ftuħ tal-ġimgħa għas-servizz pubbliku, bit-tema “Lejn Servizz ta’ Eċċellenza”, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, ta ħarsa lejn ix-xogħol li sar, u l-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni, fis-settur pubbliku.
Filwaqt li elenka s-suċċessi ta’ servizz.gov, is-Sur Cutajar ħabbar li s-sena d-dieħla l-uffiċini ta’ din l-istruttura ewlenija, se jimxu fi kwartieri ġodda bil-għan li s-servizzi tal-Gvern ikunu pprovduti kollha taħt saqaf wieħed.
“Ma nistgħux nibqgħu fil-ftit kmamar li hemm u l-Aġenzija allura se timxi f’headquarters ġdid li permezz tiegħu tkun tista’ topera u tkompli torganizza s-servizzi kollha tal-Gvern biex ikunu indirizzati minn post wieħed.”
Semma wkoll kif bħala parti mill-viżjoni ta’ “Servizz ta’ Eċċellenza”, għall-ewwel darba din is-sena, se jingħataw “Quality Labels” li se jirrikonoxxu l-inizjattivi ta’ diversi entitajiet u dipartimenti tal-Gvern biex joffru servizz ta’ eċċellenza.
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet wara li ntemmet il-konferenza ta’ filgħodu, is-Sur Cutajar ħabbar l-attivitajiet li se jittellgħu fil-ġimgħa għas-servizz pubbliku.
Attivitajiet li se jsiru bil-għan li jgħarrfu lill-pubbliku bix-xogħol li jsir f’diversi Dipartimenti tal-Gvern.
“Din il-ġimgħa għas-servizz pubbliku allura hija dak kollu miġbur flimkien permezz ta’ events u anki wħud minnhom, bħalma se jiġri fil-weekend li ġej, huma events għall-familja kollha.”