Ġiet mogħtija s-somma ta’ €5,100 lil Dar Nazareth.
Din is-somma inġabret waqt Festa Ħut, attività organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, li ttellgħet fir-raħal tas-sajjieda f’Marsaxlokk.
Apparti l-bejgħ ta’ ħut, tisjir u promozzjoni dwar ħut mhux daqstant popolari maqbuda fl-ibħra lokali, Festa Ħut inkludiet ukoll elementi edukattivi maħsuba biex joħolqu kuxjenza u tagħrif dwar aspetti tradizzjonali dwar is-sajd.
Kien proprju 27 sena ilu li l-ħolma li kellu Dun Anġ Seychell, li joffri wens u sostenn lil persuni Żwieten b’diżabbiltà, li ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom, wasslet għat-twaqqif tal-Fondazzjoni Nazareth.