23:09: Adrian Delia kiseb 616 vot, fit-tieni post Chris Said 425 vot, Alex Perici Calascione b’296 vot filwaqt li Frank Portelli kiseb 11-il vot. Sitt voti kienu invalidi.
23:05: Jidher li għada mhux se tkun qed issir it-tieni elezzjoni biex jinqala’ it-tieni kandidat minn erba’ hekk kif Alex Perici Calascione flimkien ma’ Frank Portelli nqalgħu mit-tellieqa. Dan ifisser li issa se jkunu Adrian Delia u Chris Said fit-telliqa nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru għar-rawnd finali tal-ħatra tal-Kap il-ġdid tal-PN. Fejn il-Kap il-ġdid se jkun qed jieħu post il-Kap Caretaker Simon Busuttil.
23:00: It-ton aggressiv, dak li uża Adrian Delia, deher jiddomina fid-Dar Ċentrali min-nies li jappoġġjaw lil Adrian Delia fil-mument li ħareġ li kiseb il-maġġoranza tal-voti. Fosthom kien hemm Herman Schiavone li deher jgħannaq lil Delia.
Bħalissa għadd ta’ persuni li jappoġġjaw lil Delia qed jistennew li Delia joħroġ sabiex jilqugħ b’uħud mill-persuni li kienu fid-Dar Ċentrali saħansitra telqu ‘l barra mal-mument li saru jafu bir-riżultat, hekk kif dehru ddiżappuntati.
22:51: Riżultat mhux uffiċjali juri li Adrian Delia kiseb 600 vot, Chris Said kiseb 400 vot, Alex Perici Calascione kiseb 300 voti u Frank Portelli 10 voti.
22:45:
22:40: Jidher li Adrian Delia rebaħ fl-ewwel rawnd dan hekk kif kiseb il-maġġoranza tal-voti.
22:33: Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali Facebook, il-kandidat Frank Portelli sostna li Delia jinsab fuq quddiem filwaqt li hu mistenni jiġi eliminat.
22:24: Hekk kif beda s-sorting tal-voti, l-ewwel indikazzjoni tidher li Adrian Delia jinsab fuq quddiem, bi Chris Said u Perici Calascione warajh.
Persuni fuq il-post sostnew li jidher li x’aktarx Delia kiseb madwar 40% tal-voti miġbura.
Frank Portelli mhux qed jagħmel ħoss.
22:12: Bejn il-ġimgħa li għaddiet u llum, b’kollox ivvutaw 1,354. Minn Malta vvutaw 1,130 kunsillier filwaqt li minn Għawdex ivvutaw 96 kunsillier.
Waqt l-early voting vvutaw 128 kunsillier minn Malta u Għawdex
21:52: Beda l-proċess tal-għadd tal-voti.
Il-kandidat li jkollu l-inqas ammont ta’ voti se jkun qed jiġi eliminat.
It-tielet kandidat li jkollu l-inqas voti jista’ jagħżel li jirtirta l-kandidatura tiegħu, jekk jagħżel li jibqa’ fit-tellieqa, għada tkun qed issir votazzjoni oħra sabiex issir għażla bejn it-tliet kandidati
Wara li jaqa’ it-tieni kandidati, iż-żewġ kandidati bl-akbar ammont ta’ voti jmorru għat-tieni fażi tal-elezzjoni. Dan hekk kif is-Sibt 16 ta’ Settembru l-PN mistenni li jlaqqa’ l-Konvenzjoni Ġenerali, fejn hemm issir id-deċiżjoni finali biex b’hekk jinħatar il-Kap il-ġdid tal-PN.
Aktar Qabel: Intemmet l-ewwel fażi tal-votazzjoni li se tkun qed twassal għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, sabiex jieħu post il-Kap Caretaker Simon Busuttil. Bħalissa beda l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni tal-voti sabiex isir magħruf kemm ivvutaw kunsilliera għal din l-ewwel rawnd.
Dan hekk kif il-votazzjoni fetħet dalgħodu fit-8:00 fejn il-Kunsillier kellu jagħmel għażla ta’ min hu l-kandidat favorit mill-erba’ li ħarġu għal din l-elezzjoni.
L-erba’ kandidati li ħarġu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN huma Frank Portelli, Adrian Delia, Chris Said u Alex Perici Calascione.