Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi inawguraw uffiċjalment il-clubhouse ta’ Kalkara FC, proġett tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali b’investiment ta’ €0.5 miljun. Il-Ministru Borg qal li l-ewwel prijorità tal-Gvern hi li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies f’diversi oqsma, fosthom soċjali u ekonomiċi.
“Dan il-proġett ifisser investiment fl-isport, fit-tfal, fiż-żgħażagħ u fil-komunitajiet tagħna – ifisser investiment f’’Malta ta’ Għada’ – proġett wieħed fost għexieren ta’ proġetti oħrajn li qed jitwettqu mill-Ministeru”, qal il-Ministru Borg filwaqt li ddeskriva l-proġett bħala wieħed li għaraf il-bżonn li tiġi rispettata d-dinjità xierqa li jistħoqqilhom dawk li jużaw il-faċilitajiet ta’ dan il-ground.
Il-Ministru fakkar iż-żjara tiegħu fuq is-sit madwar xahar u nofs ilu meta kienu għaddejjin l-aħħar xogħlijiet u rringrazzja u faħħar lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura tal-ħidma siewja li jwettaq ta’ kuljum fi proġetti diversi madwar iż-żewġ gżejjer. Fil-każ tal-Kalkara, id-Dipartiment wettaq xogħlijiet ta’: kostruzzjoni, servizzi tad-dawl u tal-ilma, landscaping u finishings interni u esterni tal-clubhouse. Żied li xogħol bħal dan ma jsebbaħx biss l-estetika tal-ground iżda jtejjeb il-kwalità tal-esperjenza għal dawk li jittrenjaw, jilagħbu jew isegwu l-football f’dan il-pitch filwaqt li jtejjeb ukoll l-aċċessibilità għal kulħadd. Bħal dan, jeżistu impenji oħra li l-Gvern lest li jwettaq biex il-livell tal-għajxien tal-Maltin u tal-Għawdxin ikompli jitjieb.
Il-Ministru Ian Borg ikkonkluda billi esprima l-pjaċir tiegħu li ta kontribut biex dak li xi darba kien ħolma ta’ dan il-kumitat u ta’ oħrajn qablu, issa sar realtà, filwaqt li tenna l-impenn tiegħu li jkompli jisħaq għat-twettiq tal-ġid fil-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi li kien involut fil-bidu ta’ dan il-proġett – qal li x-xogħlijiet li kien żar ftit żmien ilu kienu mxew ferm ’il quddiem u wasslu biex dan il-proġett importanti jitlesta. L-inizjattivi u l-enerġija li kkontribwixxew in-nies kollha involuti fil-proġett huma essenzjali biex intejbu l-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin speċjalment taż-żgħażagħ.