Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija nnota s-sejħa pubblika li ħarġet l-Awtorità Maltija għal-Logħob, l-MGA, għall-applikazzjonjiet sabiex jimtela l-irwol vakant ta’ kap eżekuttiv tal-istess awtorità.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri stqarr li din hija l-ewwel darba li dan l-irwol se jimtela’ permezz ta’ sejħa pubblika maħruġa mill-Awtorità.
Hu qal li din l-azzjoni tkompli ssaħħaħ it-trasparenza u l-kredibilità filwaqt li żied li dan il-pass jikkumplimenta sew ix-xogħol tal-Awtorità sabiex tkun issalvagwardjata l-ġuriżdizzjoni Maltija f’dan il-qasam.
Il-Ministru sostna li s-sejħa pubblika tal-Awtorità Maltija għal-Logħob turi l-awtonomija ta’ istituzzjonijiet ewlenin f’pajjiżna kif ukoll l-impenn tal-gvern li joħroġ dawn is-sejħiet fl-istess waqt li jingħataw l-għodod neċessarji u r-riżorsi għall-operat tagħhom.
L-applikazzjonijiet għal dan l-irwol jagħlqu nhar it-Tnejn l-4 ta’ Jannar f’nofsinhar. Għal iktar dettalji tista’ żżur www.mga.org.mt/call-for-applications-for-the-vacant-post-of-mga-ceo/.