Permezz ta’ investiment li jlaħħaq il-mija u tmenin elf ewro, l-arti ser tkompli ssib triqitha qalb spazji miftuħa fil-komunità.
Bħala parti mill-proġett ‘Art in Public Spaces’ ser jintgħażlu sitt biċċiet ta’ xogħlijiet artistiċi li se jitpoġġew f’sitt lokalitajiet differenti.
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Għażla, il-Perit Ray Farrugia spjega li jistgħu jieħdu sehem gruppi t’artisti u kull xogħol artistika tista’ tirċievi sa massimu ta’ tletin elf ewro bħala allokazzjoni.
Il-Perit stqarr, “F’kull proġett aħna nesiġu li l-artist jinvolvi kemm jista’ jkun il-kunsill lokali kif ukoll il-komunità lokali. Fil-fatt, kellna ċertu proġett fejn anki l-komunità ħadet sehem fil-proġett.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi tenna li dawn ix-xogħlijiet ser isebbħu l-ispazji miftuħa li jitgawdew mir-residenti u l-familji.
Il-Ministru rrimarka, “Dawn huwa mezz ieħor kif inkomplu nżewġu l-ħtieġa ta’ spazji miftuħa, l-embellishments fihom, kif ukoll pjattaforma għall-artisti Maltin.’
Dawk kollha interessati għandhom sa nhar il-Ġimgħa erbgħa u għoxrin ta’ Ġunju sabiex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.