B’investiment ta’ €9miljun fin-naħa t’isfel ta’ Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ uffiċjalment ir-Residenza San Ġużepp fil-Fgura. Din se tkun residenza għall-anzjani.
Dar San Ġużepp ser toħloq 150 impjieg ġdid, persuni speċjaliżżati f’oqsma differenti tal-ġerjatrija biex minn nhar it-Tnejn li ġej, din ir-residenza tista’ tkun dar għal 298 anzjan.
L-anzjani li ser ikunu residenti f’din id-dar se jkollhom sular sħiħ sli jispeċjalizza fid-dimensja, u apparat modern għal kull bżonn.
Id-dar hija maħsuba wkoll biex tkun post fejn l-anzjani jieħdu l-kura li jkollhom bżonn mingħajr ħafna skariġġ ta’ distanzi, u biex tkun ċentru soċjali fejn l-anzjani jkollhom attivitajiet kemm fir-residenza stess, li hija attrezza b’social area f’kull sular, kif ukoll attivitajiet barra r-residenza , kollha fi programm riċerkat u maħsub apposta.
Il-Prim Ministru Muscat qal li l-ħajja minn perspettiva ħolistika tal-anzjani hi prijorita’ għal dan il-Gvern u għal pajjiz. Fejn possibli, l-anzjani għandhom jiġu inkoraġġuti jibqgħu jgħixu f’darhom biex ma jitilfux ir-ritmu li mdorrijin bih jgħixu.
B’dan il-ħsieb, il-Gvern jagħti ukoll €300 lil min għandu 75 sena u jgħix fid-dar tiegħu. Fil-preżent, id-Dipartiment għall-Anzjanita’ Attiva joffri 20 servizz fil-komunita, li jvarjaw minn servizzi kliniċi għal min ma jistax joħroġ mid-dar għal servizzi ohra bħal night shelters, l-iskema carer at home, u anki s-servizz ta’ respite, fejn b’dan is-servizz joffri mistrieħ lil familjari tagħhom.
Il-Gvern b’kollox għandu 2,187 sodda fi 22 dar għall-anzjani. Dawn jinkludu 934 sodda fi djar tal-Gvern, u 1,253 sodda oħra fi djar privati minn fejn il-Gvern jixtri s-sodod.
Iżda l-Prim Ministru sostna li dawn m’humiex biżżejed, u għalhekk, il-Gvern se jibqa’ jilqa’ investimenti bħal dan tal-lum.
Ħafna mill-anzjani li għandhom dipendenza għolja jinsabu f’San Vinċenz de Paule li bħalissa għandha 1100 sodda , u ser inkomplu inżiedu aktar minn 500 sodda sal-2021. Dan filwaqt li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kienu inawgurati żewġt iswali għal persuni bid-dimensja, fejn permezz tar-rinovar li sar, l-ammont ta’ sodod irdoppja minn 22 għal 44.
“Dan kollu nistgħu nagħmluh sakemm l-ekonomija tibqa’ sejra b’saħħitha. Għalhekk nattiraw swieq differenti, għalhekk nitkellmu ħafna fuq ekonomija. Ekonomija li tikber b’rata rekord, tfisser li inkunu nistghu inzidu il-pensjonijiet, tfisser li jkun hemm aktar djar tal-anzjani , tfisser aktar kura speċjalizzata għall-anzjani . Tfisser ukoll aktar riċerka fil-qasam tal-ġerjatrija u aktar taħriġ tal-istaff dedikat lij aħdem mal-anzjani”, saħaq il-Prim Ministru.