Infrastructure Malta reġgħet fetħet il-karreġġjata tan-Nofsinhar ta’ Triq Buqana, fid-direzzjoni mill-Mosta lejn l-Imġarr u l-Imtarfa, hekk kif dan il-proġett ta’ €3.6 miljun biex it-triq tinbena mill-ġdid daħal fl-aħħar fażi tiegħu.
Dan l-investiment jinkludi t-twessigħ ta’ din it-triq biex tiżdied karreġġjata ġdida fid-direzzjoni tat-Tramuntana, mill-Imtarfa lejn il-Mosta, u karreġġjata ġdida għar-roti fl-istess naħa. Ir-roundabouts li hemm fit-truf ta’ din it-triq ukoll qed jinbnew b’disinn ġdid b’karreġġjati aktar sikuri kemm tal-karozzi kif ukoll tar-roti. L-aġenzija qed terġa’ tibni wkoll il-pont ta’ Wied il-Qliegħa (Chadwick Lakes).
Dan it-titjib se jwassal għal inqas riskji ta’ aċċidenti f’din ir-rotta ewlenija minn u lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, waqt li jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’36%.
Il-kuntratturi tal-proġett lestew ħafna mix-xogħlijiet meħtieġa waqt li t-triq inżammet miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet. F’Ġunju, flok il-karreġġjata tan-nofsinhar bdiet tintuża triq sekondarja minn Ta’ Qali biex seta’ jibda jiżżarma l-pont u floku jinbena ieħor ġdid aktar wiesgħa. Hekk kif il-parti l-kbira ta’ din l-istruttura issa hija lesta, it-Tnejn li għadda Infrastructure Malta fetħet mill-ġdid il-karreġġjata tan-nofsinhar, minn ħdejn ir-roundabout Tas-Sriedek, bejn il-Mosta u l-Imġarr, lejn l-Imtarfa u r-Rabat.
L-istruttura tal-pont il-qadim ta’ Wied il-Qliegħa kienet forma t’arkata bil-ġebla tal-franka li mbagħad kienet twessgħet billi saritilha gverta oħra bil-konkos maġenbha biex takkomoda t-tieni karreġġjata. Il-pont il-ġdid se jkun wiesgħa 18-il metru biex minn fuqu jgħaddu t-tliet karreġġjati għall-karozzi u l-karreġġjata għar-roti. Il-gverta tiegħu hi mibnija fuq għaxar travi tal-konkos b’tul ta’ madwar 10.5 metri, b’kull wieħed tqil 13.6 tunnellati.
L-istruttura l-qadima kienet isserraħ fuq pilastru mibni f’nofs Wied il-Qliegħa, minn fejn jgħaddi l-ilma tax-xita. Il-periti ta’ Infrastructure Malta ddisinjaw il-pont il-ġdid b’mod li ma jkollux bżonn din il-binja f’nofs il-wied u b’hekk l-ilmijiet se jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b’mod naturali mingħajr ebda xkiel. Bħala parti mill-proġett, l-aġenzija qed tnaddaf ukoll is-sodda tal-wied taħt il-pont minn skart u materjal ieħor li nġemgħu f’dawn l-inħawi matul is-snin.
Qabel bniet il-pedamenti tat-triq, Infrastructure Malta għaddiet diversi kilometri ta’ pajpijiet u cables ġodda taħt l-art għas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku, tal-ilma u tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll tejbet is-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita biex tnaqqas ir-riskji ta’ għargħar. Fil-ġnub tat-triq inbnew ukoll aktar minn żewġ kilometri ħitan tas-sejjieħ. Saret anke sistema tad-dawl ġdida b’bozoz LED li jaħlu inqas, biex tiddawwal il-karreġġjata għal aktar sigurtà fl-ivjaġġar matul il-lejl. Fil-ġimgħat li ġejjin il-karreġġjati ġodda, iż-żewġ roundabouts u l-karrġġjata ġdida għar-roti ta’ 1.8 kilometri se jingħataw l-aħħar saffi t’asfalt biex il-proġett ikun lest qabel l-aħħar tas-sajf.
Il-proġett ta’ Triq Buqana huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).