Il-fergħa tal-Bank of Valletta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, reġgħet infetħet wara disa’ xhur ta’ xogħlijiet ta’ rinnovar, bil-għan li titjieb l-esperjenza tal-klijent li jagħmel użu minn din il-fergħa.
Ir-rinnovar tal-binja kien jinvolvi sistema ta’ enerġija b’sistema ta’ dawl u ilma, li jaħlu inqas, kif ukoll materjal li jtaffi l-ħsejjes. Iżjed minn hekk, ġew riutilizzati elementi oriġinali, bħall-irħam, il-ħġieġ tat-twieqi, l-injam tal-gallariji u sejf antik, waqt li l-fergħa ġiet attrezzata b’żewġ ATMs ġodda u magna oħra ġdida tad-depożiti kbar.
Il-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-BOV esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bil-proġett maġġuri, waqt li l-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li attenda għall-inawgurazzjoni, enfasizza kif dan qed jikkontribwixxi bis-sħiħ lejn l-ekonomija nazzjonali.