Malta, għall-ewwel darba għanda ambaxxata fl-Amerika Latina. L-Ambaxxata fil-kapitali Brażiljana, Brasilia, ġiet inawgurata nhar il-Ġimgħa li għadda mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.
B’hekk, Malta issa hija l-24 pajjiż Ewropew b’rappreżentanza fil-Brażil.
Il-Ministru Ian Borg qal li din l-inawgurazzjoni għandha sservi bħala punt tat-tluq sabiex Malta tespandi ħidmietha f’dan ir-reġjun importanti.
“Aħna konvinti li b’din l-għażla se nkomplu nwasslu l-messaġġ tal-Gvern Malti, inżidu l-kuntatti bejn il-popli u bejn anke d-dinja tal-kummerċ fuq iż-żewġ naħat.”
L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Brażil John Aquilina qal li jħossu onorat li qed jingħata l-fiduċja sabiex ikun l-ewwel ambaxxatur Malti fl-Amerika Latina.
“Meta n-nies jistaqsuni hawnhekk x’qiegħed tagħmel bħala Ambaxxatur għal Malta, l-ewwel ħaġa li tiġi f’rasi hija dejjem biex inkabbar in-negozju għal Malta, biex inkabbar il-kummerċ għal Malta. Jekk nagħmlu suċċess f’dan, nagħmlu ġid kbir għal Malta ukoll ġid kbir għall-Ewropa.”
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Christopher Cutajar, sejjaħ dan il-pass bħala wieħed strateġikament importanti u li se jkun qed ikompli jiftaħ aktar bibien diplomatiċi.
“Dak jgħinna biex għada pit-għada rridu nkomplu nwessgħu l-preżenza tagħna fl-Amerika Latina, Brasilia tista’ toffrilna l-opportunità illi nilħqu bnadi oħrajn fl-istess reġjun.”
Is-Sur Cutajar elenka l-ħidma li għaddejja fi sfond ta’ ambaxxati oħra madwar id-dinja.

