Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej bi pjaċir jinforma li l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun uffiċjalment fetħet il-bibien tagħha lbieraħ.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej intqal lli Malta u l-Ġappun ilhom igawdu minn rabtiet bilaterali eċċellenti sa mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi fil-15 ta’ Lulju 1965. Permezz ta’ intensifikazzjoni fil-kuntatt bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi matul l-aħħar ftit snin, ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ ambaxxata f’Tokjo.
Din id-deċiżjoni tħabbret għall-ewwel darba f’Novembru 2018.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tenna li huwa sinjal ta’ suċċess li l-ftuħ ta’ din l-ambaxxata ħabat mal-55 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi, u indikazzjoni ċara li Malta tħares lejn il-Ġappun bħala sieħeb importanti, kif ukoll mexxej notevoli fl-affarijiet dinjija.
L-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun hija preseduta mill-Ambaxxatur Andre Spiteri.
Ritratt: MFEA