Fl-isptar Ġenerali t’Għawdex se tiftaħ uffiċjalment l-ewwel klinika tal-ġenitourinarja.
Din il-klinika se tkun miftuħa kull ħmistax, nhar ta’ Ġimgħa waranofsinhar, u se toffri għadd ta’ servizzi marbuta mal-prevenzjoni u l-kura tal-mard u l-infezzjonijiet li jinxterdu sesswalment bħala parti mis-servizz nazzjonali tas-saħħa.
Fi stqarrija Steward Health Care Malta qalet li qed tikkollabora b’mod attiv mal-għaqdiet mhux governattivi u msieħba soċjali oħra fil-komunitajiet li taqdi.
Il-ftuħ ta’ din il-klinika hu wieħed mill-aħħar investimenti u inizjattivi ta’ Steward Health Care.
Fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-ftuħ, id-Direttur Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex, Joseph Fenech, qal li l-klinika l-ġdida tagħmel parti mill-isforzi ta’ Steward Health Care li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi lis-soċjetà Għawdxija, lil kull min jgħix Għawdex u kif ukoll lil min iżur din il-gżira.
Il-pazjenti li jirrikorru għal din il-klinika se jsibu għadd ta’ servizzi għall-analiżi ta’ kundizzjonijiet bis-sintomi u għal oħrajn bla sintomi.
Il-ħaddiema professjonali tal-klinika tal-ġenitourinarja joffri bosta testijiet biex jiġi identifikat ta’ mard trażmess sesswalment.
Intqal ukoll li l-prevenzjoni tal-mard li jinfirex bis-sess qed tingħata prijorità bl-edukazzjoni sesswali u b’pariri fuq is-sess bla riskji u l-użu tal-kontraċettivi.