Tinfetaħ it-tieni sejħa għal proġetti li se jibdlu erba’ binjiet tal-Gvern li għal snin twal tħallew fi stat dilapidat fi proġetti li se jagħtu servizz speċjalizzat lil cohorts speċifiċi tas-soċjetà.
B’investiment totali ta’ miljun ewro il-binjiet li jinsabu fil-Belt Valletta, Birkirkara u San Ġwann se jingħataw ħajja ġdida biex għaqdiet mhux governativi jkunu jistgħu jagħtu appoġġ akbar fil-komunità.
L-għaqdiet interessati jistgħu japplikaw mil-lum u l-Kamra tal-Periti se tkun qed taħdem qrib l-organizzazzjonijiet li jkunu ntgħażlu għall-proġett sabiex bi pjan ħolistiku binjiet li bħalissa huwa fi stat ta’ abbandun, jingħataw il-ħajja mill-ġdid b’servizz lill-komunità.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li l-Gvern alloka aktar flus għal aktar proġetti ta’ dan it-tip wara s-suċċess tal-proġetti pilota tas-sena li għaddiet f’Bormla u fil-Birgu fejn fihom se jkunu qiegħed jingħata servizz mill-Fondazzjoni Richmond u mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.
Ic-Chairperson tal-Board ta’ Housing Speċjalizzat Dr Rachael Scicluna tenniet li d-dar hija ċ-ċentru tal-ħajja u mhux biss struttura fiżika, iżda hija simbolu kulturali bbażat fuq valuri, aspirazzjonijiet u memorji individwali u kollettivi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega li minkejja l-proġett ambizzjuż ta’ akkomodazzjoni soċjali, xorta waħda rridu nifhmu li hemm faxxa ta’ persuni li għalihom ċavetta u saqaf fuq rashom ma tkunx biżejjed.
Huwa qal li xhieda ta’ dan hija l-kollaborazzjoni li saret fl-2019 bejn l-Awtorità tad-Djar, Fondazzjoni Richmond u Mid-Dlam għad Dawl bi proġetti favur ommijiet bi sfidi ta’ saħħa mentali li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u persuni li qed jintegraw lura mil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Is-sejħa għal dawn il-proġetti infetħet illum, 15 ta’ Ġunju u tagħlaq fis-6 ta’ Lulju. B’dawk interessati jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni fuq is-sit housingauthority.gov.mt.