Ġiet inawgurata t-tielet flyover tal-proġett tal-junction tal-Marsa li eventwalment se twassal mill-inħawi ta’ Santa Luċija għal Triq Aldo Moro fil-Marsa. Fl-istess ħin, Infrastruttura Malta neħħiet darba għal dejjem is-sistema ta’ traffic lights li għal dawn l-aħħar 22 sena kienu jikkontrollaw it-traffiku fl-aktar żona traffikuża fin-Nofsinhar ta’ Malta qrib iċ-ċimiterju tal-Addolorata.
L-istruttura l-ġdida hija l-itwal waħda tal-għamla tagħha f’Malta u se twassal għal tnaqqis drastiku fil-ħin tal-ivvjaġġar u stennija f’din iż-żona traffikuża tal-pajjiż, kif spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi.
Huwa spjega: “It-tielet flyover infetħet 6 ġimgħat qabel iż-żmien u se tintuża biex minn ġej għal Santa Luċija u jinżel in-niżla tal-Addolorata biex imur il-Marsa jew il-Belt jghaddi minn din il-flyover. Għalissa se tintuża bil-kontra, min se jkun sejjer lejn Santa Luċija se jgħaddu minn fuq il-flyover biex jaslu.”
Din it-tielet flyover tlestiet sitt ġimgħat qabel iż-żmien u l-gverta tagħha tinkludi 65 travu tal-konkos. Dawn jiffurmaw karreġġjata ta’ 227 metru b’żewġ korsiji, li togħla kważi 16-il metri ’l fuq mill-art.
Il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg spjega li sa Ġunju se jkunu nfetħu 4 flyovers oħra, u sal-aħħar tas-sena d-dieħla, se jitlesta dan l-akbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna li sar b’investiment ta’ €70 miljun.
Il-Ministru Borg qal: “Sal-aħħar ta’ Ġunju se nlesti l-flyovers kollha u allura se naraw li l-proġett ikun lest sal-aħħar tas-sena.”
Mal-ftuħ tat-tielet l-flyover intfew immedjatament it-traffic lights biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata bil-karozza dehru jibqgħu għaddejjin fid-direzzjonijiet tagħhom. Preżenti kien hemm ukoll l-eks Ministru Laburista Charles Buhagiar, li 22 sena ilu kien inawgura din is-sistema ta’ dwalijiet tat-traffiku meta kien Ministru għat-Trasport.